It-tobba jgħidu li l-Covid-19 mhux se joqtol il-Milied imma se joqtol ħafna aktar persuni vulnerabbli

It-tobba jisħqu li hemm 80 pazjent morda serjament f'Mater Dei u jbassru 35 mewta oħra sal-aħħar tax-xahar

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija fi stqarrija qalet li madwar 80 pazjent jinsabu fl-isptar Mater Dei morda sejrament bil-Covid-19 u sadanittant il-Prim Ministru qed jibqa' ma jifhimx il-gravità tas-sitwazzjoni, filwaqt li l-Ministeru għat-Turiżmi qed jibqa' jippromwovi l-attivitajiet tal-massa.

It-tobba kkundannaw l-attitudni tal-Prim Ministru u Julia Farrugia Portelli, għax fi kliemhom, qed jinjoraw l-evidenza xjentifika u qed jilagħbu l-karta populista fil-qalba tal-pandemija, meta l-imwiet u anke l-każi ġodda qed jilħqu numri rekord.

"Jidher li għall-Ministru Farrugia Portelli, il-parties ta' Lulju kienu sempliċiment test tube u l-Milied se jkun qed il-vera raġuni għaliex il-każi se jkunu qed jiżdiedu bla preċedent. Mhux ta' b'xejn li l-infurzar 'falz' tneħħa minn taħt idejn il-Pulizija u tpoġġa taħt ir-responsabbilità tagħha," insistew.

It-tobba tkellmu dwar is-sitwazzjoni fl-isptarijiet u saħqu kif apparti 80 pazjent li jinsabu morda serjament f'Mater Dei, hemm oħrajn li jinsabu fi sptarijiet iżgħar u 12-il persuna jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva.

Dan ifisser, spjegaw, li hemm tliet swali li issa qed jilqgħu pazjenti bil-Covid-19 u dan qed ikompli jżid il-pressjoni fuq swali oħra li jridu jkomplu jikkuraw mard ieħor.

Il-MAM qalet li l-medja fl-aħħar sebat ijiem kienet ta' 137 każ kull ġurnata. Qalu wkoll li r-rata tal-mortalita bħalissa hija ta' 1.5% u għalhekk qed ibassru li sal-aħħar tax-xahar se jkunu qed imutu 35 persuna oħra.

"L-agħar għadu ġej u jekk il-medja tibqa' fuq il-mija, is-sistema tas-saħħa dalwaqt se tikkolassa," insistew.

Insistew li filwaqt li l-Prim Ministru qed jinsisti li mhux se jkun hemm lockdown u l-Ministru Farrugia Portelli issa qed tgħid lill-popolazzjoni biex jinjoraw il-pariti tal-Ministru għas-Saħħa u tal-Professur Charmaine Gauci u fil-Milied joħorġu u jieħdu gost.

"Din hija irresponsabbilita kbira u qed tpoġġi l-ħajja ta' ħafna pazjenti u staff mediku f'riskju bla preċedent. Covid-19 mhux se joqtol il-MIilied imma se joqtol ħafna aktar persuni vulnerabbli," komplew jinsistu.

More in Politika