L-aħħar sforz jew fadlilna? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-iżvilupp tal-vaċċin

Il-każi splodew f’Malta u l-Covid-19 reġa’ niżżel lill-Ewropa għarkuptejha. Mhux ta’ b’xejn li x-xewqa għall-vaċċin kulma jmur qiegħda dejjem tiżdied? Imma dan fiex wasal?

Fl-aħħar jiem smajna ħafna li l-vaċċin kontra l-Covid-19 jinsab fil-viċin. Fil-fatt, anke d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella lill-poplu Malti biex jagħmel “l-aħħar sforz” hekk kif il-vaċċin kontra l-virus se jkun lest fix-xhur li ġejjin. Fil-fatt, nhar it-Tlieta fil-Parlament, Fearne qal li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma, sal-bidu ta’ Jannar ikun hawn f’Malta l-vaċċin kontra l-virus u f’temp ta’ sitt xhur minn meta joħroġ, il-popolazzjoni kollha tkun ingħatat din it-tilqima.

Ngħiduha kif inhi, ħafna xebgħu. Ma nifilħux aktar nisimgħu dwar dan l-imbierek virus u r-restrizzjonijiet issa bdew idejqu lil kulħadd. Imma minnu li dan kollu dalwaqt ikun storja tal-passat?

Kif għamlet minn żmien għal żmien, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn l-aħħar aħbarijiet dwar il-vaċċin kontra l-Covid-19 u jekk hux minnu li dan jinsab wara l-bieb. Fil-fatt, l-artiklu jagħti ħarsa lejn dawk il-vaċċini li waslu fit-tielet u l-aktar fażi kruċjali tat-testijiet tagħhom:

Filmat ta’ mijiet ta’ dożi tal-vaċċin. Imma dan veru?

Fl-aħħar jiem, il-ġurnal ‘The Mail on Sunday’ żvela kif il-kumpanija tal-farmaċewtika Pfizer diġà mmanifatturat mijiet ta’ eluf ta’ dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19 fl-impjant li għandha f’Puurs fil-Belġju. 

Fil-fatt, fuq is-sit, l-istess ġurnal saħansitra ppubblika filmat li juri eluf ta’ dożi tal-vaċċin, wieħed wara l-ieħor. Ovvjament dawn għalissa jibqgħu fejn huma sakemm isiru t-testijiet kliniċi kollha meħtieġa u jkun hemm iċ-ċertifikazzjoni tar-regolaturi tal-mediċina li jiddikjarawh sigur u effettiv.

F’kummenti mal-istess ġurnal, il-Kap ta’ Pfizer fir-Renju Unit, Ben Osborne saħaq li “kien mument inkredibbli” meta ra l-ewwel vaċċin jiġi mmanifatturat.

Madanakollu insista li wieħed jista’ jħaffef biss “sakemm tħallih ix-xjenza” hekk kif ovvjament, qabel jibda jitqassam u jingħata, irid ikun approvat bħala effikaċi u sigur.

F’ittra miftuħa, ippubblikata fuq is-sit tal-kumpanija, iċ-Chairperson u l-Kap Eżekuttiv ta’ Pfizer, Albert Bourla wera t-tama li sal-aħħar ta’ Ottubru jkun magħruf, skont it-testijiet li qed isiru, jekk il-vaċċin huwiex effettiv jew le.

Iżda l-effettività mhijiex kollox. Bourla insista li l-vaċċin jeħtieġ ikun sigur u insista li l-istandards tar-regolaturi huma għolja mmens. Huma qed ibassru li sal-aħħar ta’ Novembru, Pfizer ikollha f’idha ċ-ċertifikat mingħand il-FDA (Food and Drug Administration tal-Istati Uniti).

It-tielet u l-aħħar rekwiżit se jkun li l-kumpanija tipprovdi l-informazzjoni kollha dwar il-manifattura tal-vaċċin biex ikun assigurat il-konsistenza u l-kwalità tiegħu.

Skont Bourla, dejjem jekk ir-riżultati jkunu pożittivi, Pfizer se tkun qed tapplika għal dak magħruf bħala “Emergency Authorisation Use” fl-Istati Uniti. Ovvjament dan jista’ jsir biss jekk lejn l-aħħar ta’ Novembru, il-vaċċin jirċievi ċ-ċertifikat li hu sigur mingħand l-FDA.

Dan kollu xejjen ukoll ix-xniegħa li l-kumpanija qed tħaffef biex tipproduċi vaċċin qabel l-Elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti li se ssir fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru.

Mijiet ta’ dożi tal-vaċċin li qed twettaq it-testijiet fuqu Pfizer
Mijiet ta’ dożi tal-vaċċin li qed twettaq it-testijiet fuqu Pfizer

X’nafu dwar il-vaċċin ta’ Pfizer?

Pfizer qed taħdem id f’id mal-kumpanija Ġermaniża BioNTech u anke mal-kumpanija Ċiniża Fosum Pharma. 

F’Mejju, dawn bdew l-ewwel testijiet fuq żewġ verżjonijiet tal-vaċċin. Fiż-żewġ każi, il-voluntiera li ħadu sehem żviluppaw Ċelloli T, li huma importanti biex jiġġieldu l-virus. Wieħed minn dawn il-verżjonijiet ipproduċa ħafna inqas effetti sekondarji, inqas deni u inqas għejja fost il-pazjenti u għalhekk għadda għall-aktar fażi kruċjali ta’ testijiet. 

Anke f’dan il-każ, it-tielet fażi tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 30,000 voluntier mill-Istati Uniti u pajjiżi oħra, fosthom l-Arġentina, il-Brażil u l-Ġermanja. Fit-12 ta’ Settembru, Pfizer u BioNTech ħabbru li se jkunu qed jespandu t-testijiet tagħhom fl-Istati Uniti għal 43,000 parteċipant, filwaqt li fl-aħħar ġimgħat ingħataw ukoll il-permess biex jibdew jittestjaw il-vaċċin fuq it-tfal.

Għal dan il-vaċċin, l-Istati Uniti ffirmat kuntratt ta’ $1.9 biljun jekk din tipprovdi 100 miljun doża sa Diċembru u 500 miljun doża oħra wara. Anke l-Ġappun daħal f’kuntratt ma’ din il-kumpanija. 

Jekk ir-riżultati jkunu pożittivi, il-kumpanija qalet li kapaċi tipproduċi 1.3 biljun doża madwar id-dinja sal-aħħar tal-2021.

Bħal ħafna mill-vaċċini oħra li jinsabu fl-istadju tal-ittestjar, dan il-vaċċin jirrikjedi li jittieħdu żewġ dożi differenti. 

Jidher ukoll li jista’ jkun hemm diversi sfidi għal dan il-vaċċin sakemm jasal mill-fabbriki għal għand in-nies. Bħall-vaċċini oħra, fosthom ta’ Moderna, dan il-vaċċin jeħtieġ jinżamm f’temperaturi baxxi ħafna, jiġifieri mhux aktar minn 80 grad taħt iż-żero sakemm ikun injettat.

X’ġara eżatt dwar il-vaċċin ta’ Oxford?

Forsi l-aktar vaċċin li jinteressa lilna huwa dak li qed ikun żviluppat minn AstraZeneca bi sħab mal-Università ta’ Oxford, anke għax Malta ħallset il-kappara għalih. 

Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea laħqet ftehim ma’ AstraZeneca biex tipprovdi 400 miljun doża jekk it-testijiet jagħtu riżultati pożittivi. Skont il-kumpanija, kapaċi tipprovdi sa żewġ biljun doża.

Dan il-vaċċin huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar li qed jipprometti u li x’aktarx ikun minn tal-ewwel fis-suq. Kien ukoll l-istess vaċċin li l-gazzetta ILLUM kitbet dwaru għax it-testijiet kellhom jieqfu temporanjament wara li wieħed mill-parteċipanti fit-testijiet kien żviluppa xi sintomi u kellu jiddaħħal l-isptar. Madanakollu, dan ma kien xejn gravi u t-testijiet setgħu ikomplu. 

Iżda din il-ġimgħa dan il-vaċċin reġa’ spiċċa fuq l-aħbarijiet hekk kif miet wieħed mill-parteċipanti fil-Brażil, li kien qed jieħu sehem fit-testijiet.

Il-parteċipant kellu 29 sena. Madanakollu jirriżulta li dan ma kienx fost dawk il-parteċipanti li rċevew il-vaċċin, hekk kif il-parteċipanti f’dan l-istudju jkunu mqassma fi gruppi biex ir-riċerkaturi jkunu jistgħu jqabblu bejn dawk li jkunu rċevew il-vaċċin u oħrajn li ma jkunux irċevewh.

Fil-fatt, it-testijiet fuq dan il-vaċċin komplew. 

L-ewwel testijiet li saru fl-ewwel u fit-tieni fażi wrew li dan il-vaċċin jista’ joħloq rispons immunitarju b’saħħtu biex jiġġieled il-virus.

Fil-fatt, f’Ġunju, l-Università ppubblikat ir-riżultati tat-testijiet tal-ewwel u t-tieni stadji. Il-vaċċin, imlaqqam ChAdOx1 nCoV-19 huwa magħmul minn virus immodifikat ġenetikament u li jikkawża l-irjiħat komuni fix-xadini.  

Fi kliem sempliċi, dan il-virus kien immodifikat (jiġifieri kellu l-istruttura ġenetika tiegħu mibdula) biex ma jkunx ta' ħsara għall-umani u biex dan "jidher" aktar bħall-Coronavirus. 

Il-vaċċin pprovoka dik li tissejjaħ Ċellola T  f'14-il jum minn meta ttieħed u ħoloq rispons ta' antibody fi 28 jum. Din hija tip ta' ċellola bajda (White Blood Cell) li hija parti mis-sistema ta' immunità f'ġisimna.  Din tattakka ċ-ċelloli infettati bil-Coronavirus. 

U Moderna?

Anke l-vaċċin tal-kumpanija Moderna jidher li qed jikkomprometti. Din il-kumpanija daħlet fi sħab mal-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa tar-Renju Unit.

Fi kliem sempliċi, fl-ewwel testijiet irriżulta li l-vaċċin li qed jiżviluppaw jipproteġi x-xadini mill-coronavirus. F’Marzu, il-kumpanija bdiet it-testijiet fuq l-umani u dawn ukoll ħallew riżultati pożittivi hekk kif anke hawn il-parteċipanti żviluppaw antibodies li nstabu f’ħafna mill-pazjenti li kellhom il-Covid-19 u fiequ. 

Fl-aħħar ta’ Lulju, Moderna għaddiet għat-tielet u l-aħħar fażi li tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 30,000 persuna. Fil-11 ta’ Awwissu, il-Gvern Amerikan wiegħed lil din il-kumpanija biljuni ta’ dollari jekk tipprovdi 100 miljun doża tal-vaċċin li jkun sigur u effettiv. Anke l-Kanada laħqet ftehim mal-kumpanija f’Settembru biex tipprovdilha 20 miljun doża.

Ta’ min isemmi li fis-17 ta’ Settembru, Moderna qasmet ukoll il-protokoll tagħha biex tiddetermina jekk dan il-vaċċin huwiex sigur u effettiv. Fil-fatt, il-kumpanija qed tistenna li ammont sinifikanti ta’ voluntiera tagħha jimirdu bil-Covid-19 biex imbagħad tkun tista’ tistabbilixxi kemm minnhom irċevew il-vaċċin tagħha.

Biex jilħqu l-kwota li għandhom f’moħħhom, ir-riżultati ta’ Moderna jistgħu jieħdu sal-aħħar tas-sena jew saħanistra l-ewwel ġimgħat tal-2021.

Johnson & Johnson iwaqqfu temporanjament it-testijiet

Johnson & Johnson, madwar għaxar snin ilu, kienet żviluppat vaċċin kontra l-Ebola u mard ieħor bl-użu ta’ virus ieħor li jismu Adenovirus 26 (AD26). Issa, l-istess kumpanija qed tiżviluppa vaċċin għall-Covid-19.

F’Marzu, Johnson & Johnson irċeviet $456 miljun mill-Gvern tal-Istati Uniti. Il-vaċċin kellu effetti pożittivi fuq ix-xadini.

F’Lulju, it-testijiet għaddew għat-tielet fażi u qed jieħdu sehem fihom xejn inqas minn 60,000 parteċipant. Għall-kuntrarju ta’ ħafna mill-vaċċini oħra, dak ta’ Johnson & Johnson jirrikjedi biss doża waħda.

L-Unjoni Ewropea laħqet ukoll ftehim ma’ Johnson & Johnson għal provediment ta’ 200 miljun doża. It-tir tal-kumpanija huwa li tipprovdi minn tal-inqas biljun doża fl-2021.

Madanakollu, fit-12 ta’ Ottubru, Johnson & Johnson ħabbret li se tkun qed twaqqaf it-testijiet tagħha temporanjament hekk kif wieħed mill-parteċipanti żviluppa xi effetti sekondarji u kellu jiddaħħal l-isptar.

Murdoch Children’s Research Institute

 Il-vaċċin ta’ dan l-Istitut kien żviluppat snin ilu, madwar l-1900 bħala protezzjoni kontra t-tuberkolosi. Dan l-Istitut Awstraljan qed iwettaq testijiet fuq dan il-vaċċin, magħrufa bħala BRACE, biex ikun determinat jekk dan jistax ukoll jipproteġi parzjalment kontra l-coronavirus.

L-istadji li minnhom jgħaddi vaċċin...

Il-vaċċin irid jgħaddi minn diversi stadji.

Qabel l-ewwel fażi ta’ testijiet fuq il-persuni, il-vaċċin ikun eżaminet fil-laboratorju fejn ġeneralment isiru esperimenti li jinvolvu l-annimali.

Fl-ewwel fażi jibdew isiru testijiet fuq numru żgħir ta’ persuni biex ikun assigurat li huwa sigur u li jista’ jikkawża bidliet fis-sistema immunitarja. Fit-tieni fażi l-għadd tal-parteċipanti jikber u ġeneralment dawn ikunu maqsuma fi gruppi, bħal tfal u anzjani biex ikun determinat jekk il-vaċċin jaħdimx differenti skont l-etajiet. 

It-tielet fażi hija l-aktar waħda kruċjali għax it-testijiet isiru fuq eluf ta’ persuni biex ikun determinat jekk hux effettiv jew le.

Qabel ma jkun approvat, il-vaċċin irid itemm b’suċċess dawn l-istadji kollha

More in Politika