'Qed nistennew bejn tliet u ħames pazjenti ġodda kuljum fl-ITU' - It-tobba jwissu li s-sistema dalwaqt mhux se tlaħħaq

Jappellaw lill-Gvern biex jibda jisma' mill-pariri tal-esperti, jiffaċċja r-realtà u jieħu miżuri serji

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) saħqet li l-punt fejn is-servizz tas-saħħa mhux se jkun jista’ jlaħħaq mad-domanda jinsab viċin immens u għalhekk appellat lill-Gvern biex jiffaċja r-realtà u jibda jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-pariri tal-esperti. It-tobba fil-fatt qed jappellaw lill-Gvern biex idaħħal miżuri urġenti.

Fil-fatt, it-tobba taw rendikont tas-sitwazzjoni preżenti. Saħqu li l-medja hija ta’ 125 każ ġdid kuljum. Fl-ITU hemm 16-il pazjent u madwar 80 persuna fl-isptarijiet. Insistew li kollox jindika li dawn in-numri se jkomplu jiżdiedu.

“Nistennew li kuljum jibdew jiddaħħlu bejn tliet u ħames pazjenti ġodda,” insistew it-tobba.

Ilmentaw ukoll dwar in-nuqqas ta’ staff u saħqu kif anke jekk il-Gvern qed jgħid li hawn ‘il fuq minn 100 ventilatur, bl-istaff preżenti bħalissa, jistgħu jitħaddmu biss kwart minnhom.

Fakkru li hemm lista ta’ stennija twila mmens għat-testijiet, fejn saħanistra hemm persuni li qed ikollhom jistennew bejn ħames u sitt ijiem. Il-contact tracing spiċċa ineffettiv, komplew jisħqu, tant li għall-kuntrarju ta’ unjins oħra, il-MAM u anke l-UĦM issa aċċettaw li membri tagħhom jgħinu lit-team tal-contact tracing hekk kif dan qiegħed b’diversi jiem lura.

Dwar ix-xena ta’ Paceville, fejn diversi persuni dehru fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ wara li għalqu l-barijiet fil-11pm, it-tobba insistew li l-Ministru Byron Camilleri mhux bis-sitwazzjoni għandu jirrabbja imma bil-fatt li hu u l-kollegi tiegħi għamlu sitt xhur jibagħtu messaġġi konflinġenti u anke għax l-infurzar kien wieħed “falz.”

It-tobba fakkru li mexxejja oħra Ewropej iffaċċjaw ir-realtà u segwew il-pariri tal-esperti u introduċew lockdowns parzjali u anke curfews.

“Malta ma għandha l-ebda għażla oħra biex taġġixxi b’mod immedjat. Jekk dan mhux se jsir, is-sitwazzjoni mhux se tibqa’ taħt kontroll,” temmet tgħid l-istqarrija.

 

More in Politika