Jinfetħu l-mini ta' Santa Luċija ... Il-Ministru jgħid li l-ħin tal-ivvjaġġar se jonqos bi 30%

Il-Prim Ministru jfakkar fl-irwol tal-UE f'dan il-proġett u qal li hemm bżonn isiru aktar bħalu biex jiġu assorbiti aktar fondi Ewropej

Il-Prim Ministru, il-Ministru Borg u s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi waqt il-ftuħ tat-triq | Ritratt ta' Mediatoday/James Bianchi
Il-Prim Ministru, il-Ministru Borg u s-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi waqt il-ftuħ tat-triq | Ritratt ta' Mediatoday/James Bianchi

Infrastructure Malta illum fetħet il-mini ta' Santa Luċija biex b'hekk ġiet maħluqa rotta mhux interrotta bejn Vjal Santa Luċija u Triq tal-Barrani. 

L-entità spjegat illi l-mini se jkopru 30% tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar filwaqt li mistenni jnaqqsu ukoll mill-emmissjonijiet li kienu jinħolqu fir-roundabout u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. 

Waqt il-ftuħ ta' dan il-proġett il-Ministru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg faħħar dawn ix-xogħolijiiet li fakkar illi se jkunu qed jgħinu fil-mobilità u jnaqqsu wkoll l-emmissjonijiet.   Huwa qal li din hija ġurnata importanti għall-pajjiż.  "Ġurnata li mhux biss tagħti prova oħra ta’ gvern impenjat li jwassal proġetti ta’ kwalità, iżda ġurnata li se tkompli ttaffi l-isfidi li jiltaqgħu magħhom in-nies li jgħixu jew jaħdmu fin-nofsinhar ta’ pajjiżna."

Il-Prim Ministru Robert Abela, preżenti għall-ftuħ ta' dawn il-mini, qal illi dan il-proġett se jkollu impatt benefiċjarju fuq dawk li qed jgħixu fin-naħa ta' isfel tal-pajjiż. Huwa għadda wkoll kummenti dwar l-irwol tal-Unjoni Ewropea fl-iffinanzjar ta' dan il-proġett u fakkar li f'Ġunju li għadda l-Gvern innegozja "l-akbar pakket finanzjarju li qatt ġabet Malta."

"Ikun għaqli għalina li nagħmlu iktar proġetti simili ħalli nassorbu aktar minn dawn il-fondi," sostna l-Prim Ministru.

Abela temm jgħid li dan il-proġett huwa konferma oħra tal-impenn ta’ dan il-Gvern, skont hu, "żagħżugħ u enerġitiku" li jwassal infrastruttura ħolistika u tal-aqwa kwalità.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija, iffinanzjat b’fondi Ewropej, għandu allokat għalih ftit aktar minn €18-il miljun mill-fond ta’ koeżjoni li ġie investit fis-settur infrastrutturali. Hu spjega li riżultat ta’ dan il-proġett se jkunu qed jiggwadanjaw ir-residenti, b’mod speċjali tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Fuq il-mina Infrastructure Malta qed tibni roundabout mill-ġdid b'diżinn aktar sigur sabiex l-aċċess għar-residenti ta' Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien jitjieb. 

 

More in Politika