'Dan huwa każ orkestrat minn giddieb' - L-avukat difensur ta' Yorgen Fenech

L-Avukat Charles Mercieca jakkuża lill-Prosekuzzjoni li qed tagħti struzzjonijiet dwar kif xhieda għandhom jixhdu ... il-Prosekuzzjoni tiċħad

Illum waqt il-bidu tas-seduta li fiha kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-avukat tad-Difiża Charles Mercieca, sostna illi l-Prosekuzzjoni kważi qed twettaq illegalità għaliex, skont Mercieca, qed tkellem lix-xhieda  biex tagħti kredibilità lil dik li sejjaħ "il-proklama mixtrija ta' Melvin Theuma." Huwa qal li l-prosekuzzjoni mbagħad qed tikkowċja lix-xhieda dwar x'għandhom jgħidu. 

L-avukat difensur saħansitra qal li hu sema' illi l-prosekuzzjoni kienet qed tikkowċja lil Theuma biex jigdeb meta kien qed jixhed.  Staqsa allura kif jista' jkollu fiduċja fil-prosekuzjoni.  Minkejja dan l-Ispettur Keith Arnaud jfakkar li dak kollu li qed jingħad lill-pulizija qed jitpoġġa fuq filmat u xejn mhu jsir bil-moħbi. 

L-avukat Mercieca sostna illi l-aktar ħaġa li tweġġgħu hija li "Fenech għadu l-ħabs.  Dan huwa każ orkestrat minn giddieb biex jagħmel frame up fuq Fenech.  Għandna raġel arrestat, investigazzjonijiet li għaddejjin u l-prosekuzzjoni kienet taf li inkjesta maġisterjali dwar il-każ jinsab għand l-Avukat Ġenerali."

Mercieca oġġezzjona li l-klijent tiegħu jinżamm taħt arrest waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. 

Arnaud jispjega kif hija xi ħaġa tajba li tqajjem il-punt tal-phone taps, għaliex fakkar li dawn huma parti mit-teknikalitajiet tal-intelliġenza wżati fuq Edwin Brincat (Il-Ġojja).  Huwa jgħid li Brincat ma riedux jitkellem għall-pulizija allura dawn it-taps intużaw mhux inħbew. "Ma ġiegħlna lil ħadd jgħid xi ħaġa jew ikkowċjajna lil xi xhud," sostna l-Ispettur. 

Yorgen Fenech qed ikun akkużat illi kien il-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, akkuża li qed jiċħad u li qed jitfa' fuq l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri.

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Politika