'Hemm proposti pożittivi imma l-Baġit ma jaħsibx biżżejjed għal għada' - Bernard Grech

Il-Kap Nazzjonalista jisħaq li l-Baġit nesa lil dawk f'riskju ta' faqar, ma ppreżenta l-ebda pjan għan-negozji u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u injora kompletament lil Għawdex

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, insista li fis-sitwazzjoni bla preċedent li l-pajjiż jinsab fiha, il-Baġit li ħabbar il-Gvern ma jħarisx biżżejjed lejn il-futur u insista li huwa frott Gvern li għejja tant li l-uniku miżuri ġodda ħadhom minn dak li ppropona l-PN stess.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-Baġit 2021, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech insista li l-Baġit "nesa jindirizza l-problemi li ninsabu fihom u dawk li se niffaċċjaw b'mod qawwi fil-futur immedjat."

Kompla jisħaq li f'dan il-Baġit il-Gvern nesa lill-ħaddiema tas-saħħa, lill-edukaturi u anke lill-anzjani fid-djar residenzjali għax ma qal xejn dwar dak li se jagħmel biex jiżgura li fihom ma jerġax iseħħ dak li ġara fl-aħħar ġimgħat.

Insista wkoll li l-Gvern nesa lin-negozji, li fi kliemu xtaqu jisimgħu kif se jsalvaw iż-żmien kruċjali tal-Milied.

Filwaqt li faħħar uħud mill-proposti u semma oħrajn li ddeskrivihom "irriċiklati," il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-Gvern qed jibża' jiffaċċja r-realtà.

"Ir-realtà ta' settur tas-saħħa u dak tat-turiżmu, li għal Robert Abela kien kollox business as usual. Realtà tal-qagħda finanzjarja li eluf ta' familji qed jiffaċċjaw, intesiet. Realtà li l-inċertezza li nħolqot minħabba l-mismanagement tal-Prim Ministru qed tinħeba taħt it-tapit," insista Grech.

Kompal jisħaq li tul id-diskors sħiħ tal-Baġit, il-Gvern ma qal xejn fuq kif se jiġu indirizzati l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew il-prezzijiet tal-fuel u dan fid-dawl ta' dak li sejjaħlu bħala "l-kuntratt korrott tal-Electrogas."

"Ma smajna xejn fuq kif se ngħinu 83,000 persuna f'riskju kbir ta' faqar. Ma smajna xejn fuq pjan olistiku biex in-negozji Maltin u Għawdxin jibqgħu jlaħħqu mal-isfidi li għandhom, u ma smajna xejn fuq Għawdex," insista Grech.

Propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-Baġit jinsa l-ġejjieni u jippjana biss għal-lum u mhux għall-futur.

"Pajjiżna għandu bżonn direzzjoni u tmexxija serja. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, diġà bdejt u ser inkompli inħabbar miżuri konkreti - mhux kliem fieragħ - li għandu bżonn pajjiżna f'dan il-mument," temm jgħid Grech.

More in Politika