Baġit 2021 | 'Baġit li jagħraf id-diffikultajiet imma ma jżidx piżijiet' - Forum Unjins Maltin

Il-Forum Unjins Maltin tfaħħar il-Baġit mressaq ilejla mill-Gvern

Il-Ministru Scicluna jaqra d-diskors tal-Baġit  - Ritratt ta' Mediaoday/James Bianchii
Il-Ministru Scicluna jaqra d-diskors tal-Baġit - Ritratt ta' Mediaoday/James Bianchii

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Baġit li ressaq il-Gvern il-Forum Unions Maltin qalet illi dan kien baġit li jagħraf id-diffikultajiet filwaqt li mhux qed jitfa' piżijiet ġodda fuq il-ħaddiema.  

"Il-baġit li ġie ppreżentat illum jitkellem dwar iI-kuntest tal-pandemija u dwar kif pajjiżna ser jgħin lill-ħaddiema, lin-negozji u lill-familji fiċ-ċirkostanzi straordinarji li ninsabu fihom. Dan qed isir, fost l-oħrajn, billi jitwal il-perjodu tal-wage supplement u billi tinħareġ skema oħra ta’ vawċers," qal il-Forum. 

"Filwaqt li l-pandemija tassorbi ħafna mill-isforzi li qed isiru, huwa tajjeb li l-gvern ikompli jibni fuq inizjattivi mnedija minn din l-amministrazzjoni. Fosthom hemm li jagħti ġurnata oħra ta’ btala għall-festi li jaħbtu fil-weekend, għajnuna lill-pensjonanti, persuni b’diżabiltà, persuni li jieħdu ħsieb qraba u aktar skemi bħala parti mill-istrateġija tal-green economy. Dan filwaqt li l-gvern qiegħed iħares lejn prinċipji aħjar ta’ governanza fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti li għandu," kompliet tgħid l-istqarrija.

Il-Forum Unjins Maltin iżda esprima diżappunt għall-fatt li "l-wegħda elettorali, li tinsab fil-programm tal-ħidma tal-gvern li biha l-ġenituri jistgħu jużaw parti mis-sick leave meta wliedhom ikunu ma jifilħux, reġgħet ma ssemmietx."

 

More in Politika