Baġit 2021 | Għotjiet lill-bdiewa u s-sajjieda ekwivalenti għat-taxxa li jħallsu fuq bejgħ

Il-Ministru Scicluna jgħid illi l-Gvern se jkompli għaddej b'xogħol għar-riċerka fl-agrikoltura u l-akwakultura

Illejla l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, meta kien qed iħabbar il-Baġit qal li l-Gvern ser ikompli jagħti l-importanza xierqa lis-settur tal-Biedja u Sajd u għalhekk is-sena d-dieħla se jkun qed jagħti għotjiet, liema ammont ta’ għotijiet ikun ekwivalenti għat-taxxa li titħallas fuq il-bejgħ tal-prodotti li l-bdiewa u s-sajjieda, ibigħu fil-Pitkalija u fil-Pixkerija.

Dawn l-għotijiet se jkunu marbuta ma’ investiment fi proġetti li jnaqqsu l-ħela ta’ prodotti agrikoli u tal-ħut filwaqt li jiddaħħlu sistemi fejn jikkontrollaw l-ammont ta’ prodott li jitpoġġa fis-suq, skont id-domanda tal-konsumatur.

Scicluna qal li s-sena d-dieħla l-Gvern se joffri skemi ġodda bil-għan li "nħajru aktar bdiewa żgħażagħ jidħlu f’dan is-settur, filwaqt li nkomplu bid-diversi kampanji favur il-konsum ta’ prodotti lokali ta’ kwalità."

Huwa ħabbar ukoll li se tiġi implimentata l-Istrateġija dwar ir-Reżistenza Antimikrobika bil-għan li titjieb il-bijosigurtà fl-irziezet u l-użu prudenti tal-antimikrobiċi. "Ser inkomplu fuq xogħlijiet ta’ ċentri għar-riċerka fl-Agrikoltura kif ukoll fl-Akwakultura u fil-qasam tal-inbid u l-vitikultura, se jitkompla t-titjib tal-faċilitajiet ta’ riċerka fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Inbid u d-Dwieli," temm jgħid il-Ministru Scicluna.

More in Politika