Baġit 2021 | L-iskema tal-First Time Buyers estiża ... L-ewwel €200,000 mhux se jkunu ntaxxati

Il-Gvern ħabbar ukoll l-estensjoni tal-ammont eżentat mit-taxxa f'każ ta' proprjetà li tingħata b'donazzjoni mill-ġenituri għall-ulied

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar illejla fil-Baġit illi l-ewwel €200,000 fuq proprjetà mixtrija minn First Time Buyers se jkunu eżenti mit-taxxa tal-boll.  Dan huwa żieda ta' €25,000 mill-€175,000 mhux taxxabbli bħalissa. 

Huwa ħabbar ukoll li dawn il-€200,000 se jgħoddu wkoll għal dawk li jgħixu f'dar li tħalliet lilhom permezz ta' wirt. 

"Barra minn hekk, dawk il-miżuri li daħħalna fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika," kompla jispjega l-Ministru tal-Finanzi, "fejn ir-rata tal-boll fuq xiri ta' propjetà naqset minn 5% għal-1.5% fuq l-ewwel €400,000 tal-valur tal-propjetà u t-tnaqqis tar-rata ta' taxxa, minn 8% għal 5%  fuq dawk li qegħdin ibiegħu propjetà, se jibqgħu fis-seħħ. 

Intant il-Gvern illejla ħabbar it-traħħis fit-taxxa fuq propjetà li tingħata b’donazzjoni.  "F’dan il-Baġit se nkunu qed nestendu l-ammont li huwa eżentat mit-taxxa meta proprjeta’ tingħata b’donazzjoni mill-ġenituri għall-ulied, fejn il-propjetà li tingħata tintuża biex l-ulied jgħixu fiha," spjega l-Ministru.  Huwa qal li l-ammont se jitla’ minn €200,000 għal €250,000. Il-valur tal-proprjetà addizzjonali fuq dan l-ammont se jkompli jiġi intaxxat bi 3.5%

More in Politika