Baġit 2021 | Il-Gvern se jistabbilixxi kumpens għal eks ħaddiema tat-Tarzna li sofrew minħabba asbestos

€9 miljun oħra biex jingħataw għotjiet lill-eks membri tal-korpi li daħlu fis-servizz pubbliku jew fis-settur pubbliku u għall-eks ħaddiema tax-xatt u l-werrieta tagħhom

Il-Gvern illejla ħabbar illi qed jikkunsidra kumpens għal eks ħaddiema tat-Tarzna li kienu esposti għall-asbestos. 

Il-Ministru Edward Scicluna sostna illi għal dawn l-aħħar xhur, il-Ministeru tiegħu kien qed jitkellem ma' numru ta’ eks impjegati tat-Tarzna li minħabba x-xogħol li kienu assenjati jagħmlu fuq il-post tax-xogħol, sofrew mill-kundizzjoni tal-Asbestosis. "Bħala employer ta’ dawn l-eks ħaddiema, il-Gvern qed jistenna li meta jkollu l-fatti kollha f'idejh, jasal għal kumpens li għandu jagħti lil dawn il-persuni jew il-werrieta tal-eks impjegati."

Intant illejla l-Ministru tal-Finanzi ħabbar ukoll illi se jkompli jingħataw kumpens dawk kollha li siofrew xi inġustizzja.  "Din is-sena li qegħdin fiha, għall-uffiċjali tal-pulizija, qiegħda tkun l-aħħar sena li ħadu kumpens skont il-ftehim milħuq mar-rappreżentanti tagħhom. Għall-kategoriji tal-eks impjegati l-oħra, matul l-2021 ser nibqgħu għaddejjin bl-iskemi mfassla għalihom. Għal dan il-għan ser nallokaw aktar minn €9 miljun oħra biex jingħataw għotjiet lill-eks membri tal-korpi li daħlu fis-servizz pubbliku jew fis-settur pubbliku u għall-eks ħaddiema tax-xatt u l-werrieta tagħhom."

ll-Ministru Scicluna fakkar li L-iskema tas-settur pubbliku tapplika wkoll għall-eks ħaddiema tal-Gas Board li ngħaqdu mal-Korporazzjoni Enemalta meta twaqqfet fl-1977 u grupp żgħir ta’ ħaddiema li kienu daħlu bħala apprentisti mal-Malta Electricity Board u wara ġew trasferiti mal-Enemalta

More in Politika