Baġit 2021 | Aktar għajnuna mill-Gvern għal dawk li jimpjegaw carer biex jassistu lill-anzjani

Persuni rtirati se jkunu eliġibbli wkoll għal benefiċċju tal-carers

Fil-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Gvern ħabbar li se jkun qed iżid ir-rata annwali ta' sussidju li tingħata lil dawk l-anzjani li għażlu li jibqgħu jgħixu fid-djar tagħhom u impjegaw persuna full-time jew part-time biex tieħu ħsiebhom.

Dan is-sussidju se jkun qed jiżdied bi ftit aktar minn €700 fis-sena biex minn €5,291 issa se jitla' għal €6,000.

Persuni rtirati se jkunu eliġibbli wkoll għal benefiċċji tal-carer

Il-Gvern kien introduċa wkoll dak magħruf bħala benefiċċju għal carers, fejn qraba jistgħu jagħżlu li jieħdu ħsieb lill-anzjani fir-residenza tagħhom stess.

S’issa persuni rtirati ġew esklużi milli jikkwalifikaw għal dawn il-benefiċċji, magħrufa bħala l-Allowance Miżjuda għal Carer u l-Allowance għal Carer.

Mis-sena d-dieħla, il-Gvern se jwessa' l-kriterji ta’ eliġibbilità biex anke dawn il-persuni jibdew jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju.

Dan sakemm ma jkunux qed jieħdu ħsieb il-konjugi tagħhom u sakemm, minn żmien għal żmien, joqogħdu għal eżami mediku biex jiġi aċċertat li jkunu jifilħu fiżikament u mentalment li jagħtu din il-kura.

More in Politika