Il-ftuħ tal-istaġun tal-insib: 'Mossa ddisprata u ta’ sfida mill-Prim Ministru'

BirdLife Malta kitbet lill-Kummissarju tal-UE Virginijus Sinkevičius takkuża lill-Gvern li qed imur kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja

BirdLife Malta kitbet lill-Kummissarju tal-UE Virginijus Sinkevičius dwar dik li qed issejħilha "mossa ddisprata u ta’ sfida min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela f’isem il-Gvern ta’ Malta biex jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-insib u dan minkejja li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) ħadet passi kontra l-ftuħ tal-istaġuni tal-insib bejn l-2014 u l-2017.

Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Dan hu attentat iddisprat biex il-Gvern ibaxxi rasu għal lobby żgħir voċiferu li qed jitħalla jonsob għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana taħt il-premessa ta’ proġett ta’ riċerka."

Insista li l-maġġoranza assoluta tan-nassaba se jżommu l-għasafar li jaqbdu għax jafu li m’hemm l-ebda sorveljanza jew infurzar.

"L-istaġun tal-insib, taħt l-iskuża ta’ riċerka, mhu xejn ħlief daħka fil-wiċċ," insista Sultana. "Il-Gvern jidher li hu kommess li jieħu lil Malta lura fejn għandu x’jaqsam mal-ħarsien tan-natura. Dħalna f’era mudlama għall-ambjent f’Malta."

BirdLife fakkret li l-ġimgħa l-oħra 12-il Ajkla Bajda tniżżlu b’tiri tal-kaċċa f’Malta, żewġ Fjamingi litteralment inħatfu minn ġo riserva naturali. Fakkret ukoll li  żewġ imsaġar f’Malta (il-Miżieb u l-Aħrax) ingħataw lill-kaċċaturi u n-nassaba.

"BirdLife Malta hija determinata li tiġġieled dawn l-aħħar deċiżjonijiet fil-Qorti u twiegħed li se tagħmel minn kollox biex teżawrixxi l-mezzi legali kollha possibbli kontra din id-deċiżjoni," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika