Il-PM jgħid li se jiżdiedu l-Pulizija fit-toroq biex jinfurzaw il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa

Jitkellem ukoll fuq l-importanza tal-użu tal-maskra u l-appell tal-Kunsill Ewropew biex jinħoloq bilanċ u l-ebda pajjiż ma jagħlaq l-ekonomija tiegħu

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fil-jiem li ġejjin se tkun qed tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq biex ikun assigurat li kulħadd isegwi l-miżuri kollha li ħarġu l-awtoritajiet tas-saħħa filwaqt li jħeġġu aktar nies jilbsu l-maskri.

Abela qal dan f’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ewropew fi Brussell li fost oħrajn għandu fuq l-aġenda tiegħu l-pandemija tal-Covid-19.

Il-Prim Ministru insista li l-mexxejja huma preokupati kollha bir-rati li qed jiżdiedu tal-infezzjonijiet f’kull pajjiż Ewropew.

'Iż-żieda fl-inforzar u l-ilbies tal-maskri huma importanti ħafna għax se jgħinu biex inżommu l-pandemija taħt kontroll," insista l-Ministru.

Insista li waqt il-laqgħa tal-mexxejja Ewropej sar appell biex l-ekonomiji ma jingħalqux.

"Jiġifieri rridu nżommu dan il-bilanċ tant delikat fil-mument bejn l-ekonomija u s-saħħa. Bilanċ important immens anke f’sitwazzjoni li taf iddum xhur u għalhekk mhux biss kwistjoni li tagħmel restrizzjonijiet jew li żżidhom iżda li tkun sostenibbli kemm short, medium u potenzjalment long term," insista l-Prim Ministru.

More in Politika