Rekord ta' każi fil-Ġermanja u l-Italja, curfew fi Franza u iben Trump pożittiv ukoll

Esperti tas-saħħa Ewropej u fl-Istati Uniti jisħqu li l-virus reġa' għolla rasu għax ħafna mhux isegwu l-miżuri ta' mitigazzjoni

Il-Ġermanja rrapportat l-ogħla ammont ta’ każi ġodda minn meta bdiet il-pandemija hekk kif f’ġurnata kellha 6,600 każ ġdid ta’ Covid-19.

Il-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkal wissiet li r-restrizzjonijiet se jkunu qed jissaħħu f’dawk iż-żoni fejn ir-riskju huwa ogħla.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa Jens Spahn insista li aktar persuni jeħtieġ li jsegwu r-restrizzjonijiet imposti biex tkun ikkontrollata l-imxija.

“Irridu nifhmu li quddiem dan il-virus aħna m’aħnix bla saħħa. Kulħadd jista’ jagħmel differenza,” insista l-Ministru.

Huwa qal dan wara li l-virologu ewlieni tal-Istati Uniti, Anthony Fauci (kif wara kollox għamel ukoll din il-ġimgħa l-virologu Malti Chris Barbara) wissa li l-pubbliku mhux qed isegwi biżżejjed il-miżuri bażiċi, jiġifieri l-evitar tal-folol u l-ilbies tal-maskri, fost oħrajn.

Intant, anke iben il-President Amerikan, Barron Trump, li għandu 14-il sena, irriżulta pożittiv għall-virus wara missieru u ommu.

X’qed jiġri xi Franza?

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, illum mistenni jħabbar miżuri ġodda restrittivi fosthom curfew għal bliet ewlenin bħal Pariġi, Marsilja, Lyon, Lille, Saint-Etienne, Rouen, Toulouse, Grenoble u anke Montpellier.

Ir-residenti f’dawn l-ibliet se jkunu mitluba jibqgħu d-dar u ma joħorġux bejn id-9:00pm u s-6:00am.

Din il-miżura se tidħol fis-seħħ min-nhar is-Sibt, ħabbar ilbieraħ Macron.

Għalissa, din il-miżura se tibqa’ fis-seħħ għal erba’ ġimgħat iżda mhux eskluż li tkun estiża għal sitt ġimgħat.

Ir-residenti se jkunu mitluba jippreżentaw raġuni valida biex ikunu jistgħu joħorġu f’dawn is-sigħat. 

Italja

Intant anke l-Italja rreġistrat l-ogħla ammont ta’ każi minn meta feġġet il-pandemija.

F’24 siegħa, fl-Italja kien hemm 7,332 każ, iżda wieħed irid iqis ukoll li qed isiru ħafna aktar testijiet minn kemm kienu qed isiru f’Marzu.

L-Italja daħlet miżuri ġodda restrittivi din il-ġimgħa, fejn fost oħrajn, anke festini privati fid-djar ma jistgħux isiru. 

Repubblika Ċeka

Ir-Repubblika Ċeka għalqet l-iskejjel kollha tagħha u l-barijiet hekk kif il-każi splodew.

F'ġurnata, il-każi żdiedu b'9,544.

Il-Prim Ministru Andrey Babis ħabbar li minn dan tmiem il-ġimgħa, il-pazjenti bil-Covid-19 mhux se jibqgħu jiġu rikoverati fl-isptarijiet, iżda se jkun hemm ċentri apposta u dan biex kemm jista' jkun jonqos ir-riskju tat-tixrid tal-virus fl-isptarijiet.

Ħong Kong u Singapore

Hong Kong u Singapore ħabbru pjanijiet biex ikun hemm vjaġġar sigur bejniethom u mingħajr il-bżonn ta' kwarantina.

Residenti fiż-żewġt ibliet se jkunu obbligati juru li għandhom test negattiv tal-virus u li dan ikunu għamluh ġurnata qabel vjaġġaw.

Il-passiġġieri se jkunu qed jivjaġġaw fuq titjiriet apposta fejn se tinħoloq sistema ta' bubbles biex ma jkunx hemm taħlit bejn dawn ir-residenti taż-żewġt ibliet u oħrajn li jkunu fi tranżitu bejn titjira u oħra.

Fiż-żewġt ibliet ir-rata ta' trasmissjoni tal-virus hija baxxa ħafna iżda l-miżuri ttieħdu hekk kif hemm riskju li l-każi jibdew jiżdiedu. 

More in Politika