Muscat kien ordna li Mizzi jingħata konsulenza ta' €241,000 ... Il-Kummissarju tal-Istandards jgħid li abbuża mill-poter

Iċ-Chairman tal-MTA jgħid li kien l-eks Prim Ministru li ordna illi l-eks Ministru Konrad Mizzi jingħata din il-konsulenza ta' €80,400 fis-sena

L-eks PM Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi
L-eks PM Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li kien Joseph Muscat li ta struzzjonijiet lill-eks Chairman tal-MTA Johann  Buttigieg biex l-eks Ministru Konrad Mizzi jingħata konsulenza ta' tliet snin għall-prezz ta' €241,000 - malli Mizzi rriżenja. 

Dan ifisser li Muscat kien għadda impjieg lil Mizzi ta' €80,400 fis-sena, liema kuntratt imbagħad twaqqaf ftit wara li Robert Abela kien elett Mexxej Laburista u kien maħtur Prim Ministru. 

Konrad Mizzi kien irriżenja ftit wara li l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri kien spiċċa d-Depot interrogat, wara li Yorgen Fenech kien implikah bħala l-moħħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  Mizzi kien fetaħ kumpanija fil-Panama, flimkien ma' Keith Schembri - liema kumpanija kellha tirċievi fondi minn 17 Black.  F'17 Black, kumpanija bbażata fid-Dubaj ta' Yorgen Fenech, kienu daħlu $1.6 miljun, mill-Ażerbajġan u allegtament mir-rappreżentant lokali tat-tanker tal-gass.  Mizzi kien involut fit-tliet l-aktar proġetti kontroversjali ta' Gvern Laburista:  Il-power station, l-għoti ta' tliet sptarijiet lill-VGH u l-Wind Farm fil-Montenegro.

Ir-rapport dwar il-konsulenza sar mill-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler fuq ilment taċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo. 

Fil-verdett tiegħu Hyzler sostna illi id-direct order ta' Muscat kienet kontra l-liġi u kontra l-kodiċi ta' etika Ministerjali.  "Fl-opinjoni tiegħi, l-ordni ta' Muscat biex Mizzi jsir konsulent kienet abbuż ta' poter hekk kif stabbilit skont il-liġi."  Huwa fakkar li dan kien ksur tal-etika Ministerjali li tobbliga lill-Ministri jaraw illi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħthom huma mmexxijin kif suppost u b'diliġenza."

Mistoqsi mill-Kummissarju dwar dan, Joseph Muscat qal illi din il-pożizzjoni ingħatat biex ikun hemm kontinwità fit-turiżmu u rrifjuta li huwa kiser l-etika. 

 

More in Politika