Grech iressaq mozzjoni għal inkjesta dwar il-proġett tal-Electrogas 'ħalli toħroġ il-verità'

Il-Partit Nazzjonalista jressaq mozzjoni biex ikun eżaminat il-kuntratt tal-Electrogas - fosthom abbużi li setgħu saru u dawk li kienu konxji jew messhom kienu konxji ta' dawn l-abbużi

Il-Partit Nazzjonalista llum ressaq mozzjoni biex jinħatar Bord ta’ Inkjesta dwar il-proġett tal-powerstation tal-Electrogas li kien f'nofs kontroversja minħabba eks direttur tagħha - Yorgen Fenech - u allegazzjonijiet ta' flus li daħlu f'17 Black, kumpanija ta' Fenech li kellha tgħaddi l-flus lill-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li din l-inkjesta qed iressaqha sabiex "toħroġ il-verità fuq dan il-proġett."  Huwa saħaq li issa huwa f'idejn il-Prim Ministru jekk iridx li toħroġ il-verità dwar dan il-proġett mill-aktar kontroversjali u allura jaċċetta li ssir din l-inkjesta jew le.  "Għamilt l-istedina lill-Prim Ministru biex tibda din l-inkjesta u hu ma laqax din l-istedina ... issa I am calling his bluff.  L-għażla tiegħu hija jekk iridx li toħroġ il-verità jew iridx ikun kompliċi ma' sħabu ... u mal-Prim Ministru ta' qablu li għażel illi jaħrab mill-Parlament." 

Huwa sostna li jekk il-Gvern jagħżel li ma jilqax din il-proposta l-Oppożizzjoni se tirriserva li tieħu kwalunkwe passi oħrajn biex, skont Grech, toħroġ il-verità.

Il-mozzjoni titlob li l-Prim Ministru għandu jaħtar Bord ta’ Inkjesta dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas, sabiex jeżamina: 

a. Il-proċessi u azzjonijiet politiċi, amministrattivi u kummerċjali li għandhom rabta mal-proġett tal-power station tal-Electrogas;

b. X’abbużi u ksur ta’ liġi twettqu fl-imsemmija proċessi u azzjonijiet politiċi, amministrattivi u kummerċjali;

c. Jidentifika min huma l-persuni li ordnaw, wettqu, iffaċilitaw, kienu konxji u/jew misshom kienu konxji tal-imsemmija abbużi u ksur ta’ liġi b’rabta mal-proġett tal-power station tal-Electrogas.

 Grech fakkar  li saru numru ta’ allegazzjonijiet li jorbtu l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mal-proġett tal-bini u l-operat tal-powerstation tal-Electrogas.  Hu fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li l-konsumatur u l-familji Maltin qegħdin iħallsu għal dan kollu permezz ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma ogħla.

"Il-mod kif il-Gvern ntrabat jixtri mill-Electrogas l-enerġija kollha li tiġġenera huwa dubjuż għall-aħħar u qed iwassal sabiex Malta qed tħallas €91 miljun aktar." 

Il-Kap Nazzjonalista qal li Robert Abela għażel li "jistaħba" wara l-fatt li dan il-proġett ma sarx taħt it-tmexxija tiegħu, "pero meta ġie deċiż Abela kien konsulent ta’ Joseph Muscat."

Fl-aħħar ġimgħat, wara li ġew iffirżati l-assi tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri, il-Grupp Gasan urew ix-xewqa li jneħħu s-sehem tagħhom minn dan il-proġett, filwaqt li l-Grupp Siemens kien Malta biex jiddiskuti s-sehem tiegħu f'dan il-proġett. 

More in Politika