Aġġornata | 'Mhux se niżvela dettalji ta' laqgħat li jsiru bejni u l-Kap' - Delia

Delia jisħaq mas-sit illum.com.mt li jinsab skantat kif kelliem għal Bernard Grech żvela dettalji ta' laqgħa li għaliha ma kien hemm ħadd ħliefu u l-Kap

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, ma jixtieqx li jkollu rwol fis-shadow cabinet bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni u dan minkejja l-offerta li għamillu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Skont kelliem ta’ Grech li tkellem mat-Times of Malta, jidher li waqt laqgħa li saret riċentament, l-eks Kap Nazzjonalista qal lil Bernard Grech li jippreferi li ma jkollu l-ebda rwol.

Intant f'kummenti mas-sit illum.com.mt, Delia saħaq li jinsab 'skantat' kif kelliem għall-Kap Bernard Grech żvela dettalji ta' laqgħa li fiha ma kien hemm ħadd ħlief il-Kap u hu.

Delia la ċaħad u lanqas ikkonferma din l-informazzjoni. Qal biss: "min-naħa tiegħi ma jidhirlix li jkun prudenti li niżvela dak li jintqal f'laqgħat bħal dawn ħalli ma nfixkilx il-ħidma tal-Kap."

Skont kelliem ta' Bernard Grech, ikkwotat minn The Times of Malta: “Dr Delia esprima x-xewqa tiegħu li jimxi mal-mudell ta’ Westminister fejn eks kapijiet ma jkollhomx rwol fis-shadow cabinet.”

Madanakollu, jidher li din il-kwistjoni mhijiex magħluqa u mistennija aktar diskussjonijiet bejn Delia u Grech.

Meta l-gazzetta ILLUM, qabel l-elezzjoni għall-Kap, kienet staqsiet lil Delia xi rwol jixtieq li jkollu fil-PN, huwa insista li kollox jiddependi fuq kemm Grech se jkun komdu li jkollu lill-preduċessur tiegħu fi rwol fi ħdan il-PN jew il-Grupp Parlamentari. Fakkar kif kienu saru l-istess argumenti meta l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kien membru tas-shadow cabinet immexxi minnu.

Il-Ħadd li għadda, il-Kap Nazzjonalista qal li se jkun qed jinsisti li l-preduċessur tiegħu jifforma parti mis-shadow cabinet. 

Għadu mhux magħruf meta Bernard Grech se jkun qed iħabbar reshuffle fis-shadow cabinet għalkemm saħaq li talab informazzjoni minn kull kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ix-xogħol li wettqu fis-setturi tagħhom.

More in Politika