Analiżi | Min tellgħu fuq pedestall u min ma jifilħux pinġut. Iż-żewġ estremitajiet ta' Muscat

Joseph Muscat issa ħareġ mix-xena politika, għallinqas hekk jidher. F'din l-analiżi l-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dawk in-nies li kienu jħobbuh u jqisuh mexxej formidabbli u dawk li kienu jqisuh PM korrott li tradixxa lill-poplu 

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Joseph Muscat ħareġ mix-xena politika lokali wara 12-il sena fil-Parlament - ħames snin Kap tal-Oppożizzjoni, sebgħa bħala Prim Ministru u ftit xhur bħala backbencher fil-Grupp Parlamentari Laburista. 

Il-legat ta' Joseph Muscat jista' jitqies ikkulurit u estrem.  Estrem fis-sens illi jaqla' żewġ tipi ta' reazzjonijiet: Eluf ifaħħruh, kważi jadurawh, jarawh bħala 'salvatur għal Malta u mexxej ta' kalibru kbir li Malta se titlef ħafna mingħajru.  Min minn naħa l-oħra eluf oħrajn jarawh bħala mexxej politiku korrott li mexxa 'kukkanja ta' kriminali' f'Kastilja li telgħu fil-poter bil-għan li jsiru sinjuri.  Jarawh mexxej neo-kapitalist li mar kontra l-ideoloġija soċjalista. 

Għalhekk f'din l-aħħar analiżi dwar Muscat, il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn l-aktar setturi tal-popolazzjoni li kienu jħobbu lil Muscat, kważi jadurawh, u l-aktar setturi li kellhom antipatija lejh u kważi jobgħoduh. 
Naturalment din hija ħarsa b'mod ġeneralizzata u ma jfissrix li kull persuna f'dan il-grupp ta' votanti kienu jadurawh jew jobgħoduh.  Hija analiżi għalhekk mibnija skont il-legat, il-fatti u l-esperjenzi ta' bosta li din il-gazzetta rat .

Dawk li jaraw lil Joseph Muscat f'dawl ikrah 

Segwaċi ta' Daphne Caruana Galizia/Repubblika/Occupy Justice:  Joseph Muscat jibqa' l-persuna li kien qed imexxi lill-pajjiż meta inqatlet Daphne Caruana Galizia - l-akbar xewka u wieħed mill-aktar avversarji qliel ta'  Muscat, tal-Gvern li kien imexxi u tal-Partit Laburista. 

Apparti l-istejjer li fihom Caruana Galizia ddieħket bil-mewt ta' Dom Mintoff, ddieħket bl-ilbies ta' Michelle Muscat u b'ulied il-familja Muscat u apparti l-ħafna blogs li kellha u li kienu jattakkaw nies li ħarġu għonqhom għall-Partit Laburista, hi kellha stejjer ukoll li heżżew lill-Gvern ta' Muscat. 

L-akbar storja kienet dik dwar il-Panama Papers - u allura żewġ kumpaniji li fetħu fil-Panama Keith Schembri u Konrad Mizzi. Din kienet u baqgħet l-aktar storja li għamlet ħsara lill-Gvern ta' Muscat għaliex minnha imbagħad twieldet 17 Black u Yorgen Fenech, il-flus li għaddew minnha u li kellhom jgħaddu għall-kumpaniji ta' Schembri u Mizzi kif ukoll il-proġett tal-power station u allegazzjonijiet li dawk il-flus li daħlu f'17 Black kienu minn tixħim.  Mill-Panama papers twieldu l-eluf ta' emails li spiċċaw għand Daphne Caruana Galizia li għaddew minn u lejn l-Electrogas. 

Waħda mill-protesti organizzati minn Repubblika
Waħda mill-protesti organizzati minn Repubblika

Caruana Galizia kienet ukoll il-persuna li kompliet tirrapporta u tikteb dwar il-kuntratt mal-VGH, l-iskema tal-passaporti u stejjer oħrajn. 
L-aktar storja splussiva ta' Caruana Galizia kienet illi Egrant Inc. - li nfetħet fl-istess żmien ma' Tillgate (Keith Schembri) u Hearnville (Konrad Mizzi) u li dwarha kien hemm komunikat permezz ta' Skype -   kienet ta' Michelle Muscat.  Magħha l-allegazzjoni li minnha għaddew mal-$1 miljun dollaru minn kumpanija fl-Ażerbajġan minn bint id-ditattur, Leyla Aliyeva.  L-Ażerbajġan huwa l-istess pajjiż tas-Socar li xtrat 33% mill-Power Station, tal-ftehim għax-xiri tal-gass għal 18-il sena u li d-ditattur tiegħu Aliyev kellu kont fil-Bank Pilatus.  Huwa wkoll wieħed mill-ewwel pajjiżi li żar Muscat bħala Prim Ministru u kien ikkritikat lokalment għaliex ma ħax lill-midja miegħu.

F'inkjesta maġisterjali rriżulta li ma nstabux biżżejjed provi li jorbtu lil Egrant ma' Muscat, li sabet illi kien hemm firem foloz fuq id-declaration of trust, li ma kienx hemm flus deħlin f'Egrant minn dik il-kumpanija partikolari  - iżda li kien hemm tranżazzjoni minn kumpanija differenti lejn il-Bank Pilatus u li Egrant Inc. ma kellhiex kont f'dan l-istess bank.  Il-Maġistrat kien qal li Maria Efimova kellha tiġi akkużata b'kalunja. 
Efimova - li telqet minn Malta - għadha qed tinsisti għall-istatus ta' Wistleblower biex tixhed kontra Muscat.
Għal dawk l-eluf ta' persuni li kienu reliġjożament isegwu lil Caruana Galizia, ħafna minnhom votanti Nazzjonalisti, il-Gvern Laburista kien ħati tal-qtil tal-ġurnalista mill-ewwel ftit ħin li ġriet l-aħbar tal-assassinju tagħha. 

L-iżviluppi kollha ta' wara  - inkluż il-fatt li kien implikat dak li dejjem deher illi kien fundamentali  għal Muscat, Keith Schembri u l-fatt li sa daħal fl-istorja kollha eks membru tas-sigurtà ta' Muscat - aktar saħħaħ il-perċezzjoni, il-kritika u anke l-antipatija estrema ta' dan is-settur tal-poplu lejn Muscat. 

Fil-verità kienu dawn in-nies li mexxew protesti - tnejn minnhom li għalihom attendew eluf ta' persuni - li komplew iżidu t-tensjoni politika u li finalment waslu biex Joseph Muscat iwarrab. 

Għal dawn in-nies Joseph Muscat jibqa' fil-lista s-sewda tal-Prim Ministri fejn hemm ukoll prattikament kull PM Laburista ieħor - speċjalment Mintoff. 

Daphne Caruana Galizia u binha Matthew Caruana Galizia
Daphne Caruana Galizia u binha Matthew Caruana Galizia

Xellugin u ambjentalisti:  Ħafna minn dawk li jqisu ruħhom xellugin u li għalihom Dom Mintoff jibqa' wieħed mill-aktar eżempji lokali ħajjin ta' soċjaliżmu f'pajjiżna (imma li mhux neċessarjament jidentifikaw ruħhom bħala Mintoffjani) ma tantx kienu impressjonati wisq mil-legat ta' Muscat.  

Dawn jaraw lil Muscat bħala mexxej ultra kapitalista, immexxi mill-flus, imdawwar mill-aktar nies tal-flus b'politika determinata minn min għandu l-aktar flus, poter u influwenza.  Naturalment ċerta estravaganza minn naħa ta' Muscat kienet tgħin biex issaħħaħ din il-perċezzjoni illi huwa 'champagne socialist'.

Ħafna mill-opinjoni ta' dan is-settur tal-poplu kienet imbuttata 'l quddiem mill-Moviment Graffitti li kien peżenti fil-protesti li saru wara l-assassinju ta' Caruana Galizia imma wkoll li organizza diversi protesti dwar l-ambjent u temi relatati:  Il-politika tal-pompi tal-petrol, il-protesta kontra l-iżvilupp fuq art agrikola fiż-Żonqor u kontra l-proġett fuq is-sit tal-ITS. 

Naturalment bħas-settur tal-popolazzjoni li semmejna qabel, dan kien settur voċiferu kontra skandli u l-proċess ta' privatizzazzjoni li mhux biss ħa spinta 'l quddiem imma li ħa wkoll dimensjonijiet "strambi ferm" fil-każ tal-VGH. 

Għal dan is-settur tal-poplu Muscat jibqa' l-Mexxej Laburista li biddel in-narrattiva u rema' dik dwar il-ħaddiem, li ma baqax juża l-innu tal-Partit Laburista fl-attivitajiet u li ressaq lejn il-Partit Laburista diversi nies li spiċċaw ħadu (jew żammew) kuntratti ħoxnin, bħal Lou Bondi u Robert Musumeci (fil-fatt it-tensjoni bejn Musumeci u l-membri tal-Graffitti hija palpabbli u pubblika).

Il-konservattivi:  Naturalment Muscat jibqa' meqjus minn ħafna persuni konservattivi fuq kwistjonijiet soċjali, bħala l-persuna li kompla jmermer il-fundamenti ta' soċjetà b'valuri. 

Dan is-sentiment ma jeħilx biss mad-divorzju u l-unjoni ċivili, imma tqawwa meta Muscat ippropona l-adozzjonijiet ta' tfal minn koppji tal-istess sess, l-Att dwar l-Ugwaljanza li jarawha bħala indħil għal dak li jaraw li huwa dritt tagħhom li jagħtu lil uliedhom edukazzjoni f'ambjent Kattoliku u naturalment l-abort.  Il-pożizzjoni ta' Muscat din il-ġimgħa favur l-abort tikkonferma biss dak li ilha tissuspetta din is-sezzjoni tal-popolazzjoni li fiha hemm il-Knisja u nies li sostnew il-pożizzjoni tal-istess istituzzjoni u  votanti li huma konservattivi li probabbilment il-maġġoranza tagħhom xorta ma kinux qed jivvutaw lil Muscat. 

In-Nazzjonalisti in ġenerali: Naturalment il-votanti Nazzjonalisti b'mod ġenerali ma tantx jaraw lil Muscat f'dawl sabiħ għar-raġunijiet kollha msemmija diġa' hawnhekk però wkoll għall-fatt li Muscat umilja elettoralment lill-PN ħames darbeiet fuq skala nazzjonali. 

Huwa rebaħ kull elezzjoni li fiha kkontesta bħala mexxej politiku b'aktar  minn 33,000 vot - sitwazzjoni li tefgħet lill-PN fil-baħar ta' inkwiet u ġlied li ddominah fl-aħħar tliet snin. 

Tħobbu jew tobgħodu Muscat huwa avversarju b'saħħtu u naturalment dan mhux tajjeb għall-PN u l-votanti tiegħu. 

Dawk li kienu jħobbu lil Joseph Muscat

Votanti liberali:  Għal ħafna votanti liberali, li jinkludu naturalment, persuni LGBTIQ u votanti li ħadmu għal drittijiet ċivili relatati, Muscat huwa dik il-persuna li kisser tabù b'ħeffa kbira mingħajr wisq oppożizzjoni u problemi.  Sa qabel iddaħħlet l-unjoni ċivili u l-adozzjoni magħha, drittijiet bħal dawn kienu biss ħolma jew immaġinazzjoni fertili.  Kien hemm min, fost l-avversarju nazzjonalista li fil-fatt ma kienx jemmen li dawn id-drittijiet se jidħlu fis-seħħ.  Naturalment mal-eluf ta' votanti LGBTIQ - għalkemm irridu nweġgħu niċċaraw li kien hemm ħafna votani LGBTIQ li baqgħu jivvutaw PN - trid tgħodd eluf ta' membri tal-familja, ħbieb u qraba li vvutaw lil Muscat minħabba din il-kwistjoni. 

Apparti minn hekk Muscat mexxa 'l quddiem l-Att dwar l-Ugwaljanza, l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru u finalment żwieġ ugwali għal kull koppja. 

Minkejja li Muscat eċċella f'dan il-qasam, bi kliemu (anke jekk oriġinarjament kien wiegħed u kien se jwettaq pushback) huwa żviluppa f'difensur qawwi tal-idea tiegħu ta' Malta kożmopolitana - l-antiteżi ta' 'Malta għall-Maltin biss', il-'full up' u l-'go back to your country'.  Minkejja li kien jaċċetta li hemm sfida u minkejja li ma sarx biżżejjed biex titwaqqaf il-proliferazzjoni ta' xogħol prekarju (anke jekk saru wkoll passi 'l quddiem) Muscat kellu wħud mill-aqwa diskorsi fil-Parlament li kienu ddedikati kontra r-razzizżmu.  Il-perċezzjoni kienet illi malli kien jitkebbes in-nar tal-xenofobija Muscat kien jiġri jitfigħ. 

Jidher li l-Partit Laburista beda jitlef ukoll din il-pożizzjoni ta' prinċipju wara kollox soċjalista, fl-aħħar ġimgħat, fuq l-altar tal-populiżmu u l-bżonn li jitkisser aktar l-avversarju.  Dan jista' biss ikompli jaljena aktar nies xellugin u liberali mill-partit. 

Xampanja u ċelebrazzjoni .... għaddew ħames snin
Xampanja u ċelebrazzjoni .... għaddew ħames snin
L-eks PM Joseph Muscat mdawwar b'Helena Dalli u Cyrus Engerer, fost oħrajn
L-eks PM Joseph Muscat mdawwar b'Helena Dalli u Cyrus Engerer, fost oħrajn

Tan-negozju, żgħar u aktar kbar: Ħafna negozjanti għal ħafna snin ma kinux komdi bil-Partit Laburista, antipatija storika li tqawwiet minħabba politika ekonomika protezzjonista fit-80ijiet. 

Minkejja li Sant kien għamel avvanzi f'dan is-settur fid-90ijiet - avvanzi li xxellfu xi ftit minħabba sħubija mal-UE - Muscat biddel lill-partit f'wieħed pro-business, b'mentalità 'can do'.  Muscat wiegħed tnaqqis fil-burokrazija u fis-seba' snin illi matulhom kien Prim  Ministru mexxa ekonomija li kienet qed tikber bl-ogħla rata fl-UE, bl-inqas qgħad fl-UE u b'rata ta' kunfidenza għolja ħafna fost il-konsumaturi, xi ħaġa li imbuttat il-konsum pubbliku 'l fuq.  Apparti dan pajjiżna esperjenza rekords assoluti fit-turiżmu (2.8 miljun turist fl-2019 biss).  Dan kollu jfisser illi fil-pajjiż kien hawn konsum qawwi ħafna u allura ħafna negozjanti ħassew illi kienu verament sejrin tajjeb ħafna - forsi vera l-'aqwa żmien' fi żmien twil. 

Apparti minn hekk iżda il-Gvern ta' Muscat għamilha inqas burorkratika u għamilha aktar faċli li s-settur tal-kostruzzjoni jikber b'rata mgħaġġla - naturalment għall-inkonvenjent ta' ħafna residenti. 

Dan kollu għen lil Muscat bil-kbir elettoralment u fl-immaġini tiegħu ta' Prim Ministru pro-business.  Mhux xi sigriet li ħafna negozjanti, lukandiera u kuntratturi kbar - min minħabba proġett u min minħabba ieħor - resqu lejn il-Partit Laburista fl-aħħar snin.  Fondi Ewropej taw iċ-ċans ukoll li jitqassaam aktar xogħol, ma' aktar kuntratturi, inkluż dawk żgħar jew medji. 

Il-Laburisti: Għal ħafna Laburisti - naturalment mhux kollha, imma għall-biċċa l-kbira - Muscat jibqa' eroj u mexxej ta' preġju kbir.  L-ewwelnett Muscat qala' lill-Partit Laburista miċ-ċiklu ta' telfa wara oħra.  Il-Malta Labour Party kien tilef il-maġġoranza fl-1981 - anke jekk baqa' fil-Gvern - fl-1987, fl-1992, rebaħ fl-1996 iżda waqa' mill-Gvern sentejn wara u reġa tilef l-elezzjoni tal-1998.  Wara l-MLP tilef l-elezzjoni tal-2003, li saret wara referendum għad-dħul ta' Malta fl-UE, li tilef ukoll u finalment  - minkejja aspettativa differenti - tilef l-elezzjoni tal-2008.  Anke jekk b'1,500 vot biss il-Laburisti kienu demoralizzati bil-kbir, speċjalment meta l-indikazzjonijiet kienu favur il-partit. 

Muscat biddel dan kollu. 

Il-Partit Laburista rebaħ dawn l-elezzjonijiet fuq livell nazzjonali b'aktar minn 33,000 vot:  Il-Parlament Ewropew tal-2009, l-elezzjoni ġenerali tal-2013, l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2014 u l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Finalment Muscat rebaħ b'rekords l-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019 (+42,000 vot) u tal-Kunsilli Lokali ta' Malta kollha (+47,000 vot).  Il-Partit Laburista rebaħ ukoll kull elezzjoni tal-Kunsilli Lokali bejn dawn li semmejna. 

Taħt it-tmexxija ta' Muscat, il-Partit Laburista minn 'serial loser' sar 'serial winner' fil-vera sens tal-espressjoni.  

Naturalment, dan it-track record elettorali tajjeb ħafna, kellu l-impatt tiegħu fuq l-oppożizzjoni Nazzjonalista li spiċċat maqsuma parzjament minħabba dan it-telf kontinwu. 

Muscat għal ħafna Laburisti jibqa' Mintoff ġdid. Maħbub u meqjum daqs il-Perit!

More in Politika