Birdlife tgħid li d-deċiżjoni li jinfetaħ l-istaġun tal-insib hija 'surreali' u 'inkredibbli'

Birdlife tgħid li d-deċiżjoni li jinfetaħ l-istaġun tal-insib hija "inkredibbli", "surreali" u skont hi se tfisser li Malta terġa tiddaħħal fil-Qorti Ewropea

Uffiċjali ta' Birdlife quddiem Kastilja
Uffiċjali ta' Birdlife quddiem Kastilja

"Huwa inkreddibli kif għal darba oħra l-kaċċaturi u n-nassaba se jingħataw aktar privileġġi fuq premessi kompletament żbaljati ... fi ftit jiem oħra l-Gvern se jiftaħ staġun tal-insib għall-għasafar tal-għana. Din hija deċiżjoni żbaljata għal ħafna raġunijiet ... u l-Prim Ministru Robert Abela se jkun qiegħed jisfida lill-Unjoni Ewropea u lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja bil-konsegwenza li jerġa’ jdaħħal lil pajjiżna l-Qorti Ewropea."

Hekk sostniet l-għaqda Birdlife li fakkret illi fl-2018 Malta ġiet imwaqqfa milli tiftaħ staġun tal-insib mill-Qorti Ewropea.  "Fit-Trattat ta’ Sħubija fl-Unjoni Ewropea (UE), Malta kienet qablet li l-insib għall-għasafar tal-għana jieqaf fl-2008. Fil-fatt hekk ġara.  Però fl-2014 il-Gvern reġa’ fetaħ l-istaġun u erba’ snin biss wara nstab ħati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li kiser id-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar."

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja dalgħodu, uffiċjali ta’ BirdLife Malta spjegaw kif is-sitwazzjoni attwali hija "kompletament surreali", hekk kif f’dan l-istaġun il-Gvern - skont l-għaqda - qed juża l-iskuża li n-nassaba se jkunu qed jagħmlu studju xjentifiku. "Din hija skuża fjakka u stupida: deċiżjoni xprunata minn kunsiderazzjonijiet purament elettorali. U dan meta n-numru ta’ nassaba li jonsbu huwa insinjifikanti meta mqabbel mal-Maltin u l-Għawdxin kollha li jħaddnu l-ambjent ta’ pajjiżna."

Birdlife akkużat lill-Gvern "b'farsa totali li ma titwemminx li n-nassaba huma mistennija li jitilqu l-għasafar kollha li se jinqabdu. Din hija daħka fil-wiċċ u jidher ċar li l-Prim Ministru Robert Abela ġie kompletament ingannat mill-Ministru Clint Camilleri li apparti li huwa nassab, jidher li huwa wkoll politiku li ma jimpurtahx minn dak li ksibna bħala pajjiż fuq medda ta’ 20 sena fil-kamp ambjentali.

Birdlife temmet tfakkar li fl-2015, wara referendum li tfakkar illi ntrebaħ biss b'2,000 vot, "il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wiegħed impenn biex l-ambjent naturali jitħares. Dan huwa l-istess gvern, bl-istess mandat. Mhux gvern differenti."

 

More in Politika