Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia tfittex għad-danni lill-irġiel li allegatament huma involuti fil-qtil

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalet li l-familja qed tagħmel dan biex twaqqaf lill-istess irġiel milli jużaw l-assi tagħhom

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed tfittex għad-danni lill-ħamest irġiel li allegatament kienu involuti fl-assassinju tal-ġurnalista tliet snin ilu.

Ħabbret dan, fi stqarrija, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia u saħqet li qed tagħmel dan il-pass biex twaqqaf lill-istess irġiel milli jużaw l-assi tagħhom biex “ikomplu jikkorrompu l-ħajja pubblika u l-istituzzjonijiet.”

Hu mifhum li l-azzjoni hija kontra Alfred u George Degiorgio, Vince Muscat, Melvin Theuma u l-allegat mandant Yorgen Fenech.

Il-Fondazzjoni saħqet li d-danni miksuba se jkunu qed imorru biex jgħinu lill-istess Fondazzjoni tkompli bil-ħidma tagħha, fosthom biex jiġu protetti l-ġurnalisti investigattivi, u biex jitħares xogħol Daphne Caruana Galizia, fost oħrajn.

L-applikazzjoni ġiet iffirmata mill-Avukati Joe Zammit Maempel u Eve Borg Costanzi.

More in Politika