Ħadd ma jikkontesta biex jieħu post Joseph Muscat; Jinfetaħ bieb għal Miriam Dalli

Kemm Causon u anke Buontempo fissru d-deċiżjoni tagħhom li ma jikkontestawx l-elezzjoni każwali

Iż-żewġ kandidati li setgħu tefgħu isimhom fl-elezzjoni każwali biex jimtela' s-siġġu li ħalla vojt Joseph Muscat fil-Parlament għażlu li ma jikkontestawx u għalhekk is-siġġu parlamentari se jkun qed jimtela' bil-mekkaniżmu magħruf bħala co-option.

Sorsi li tkellmu mas-sit illum.com.mt u anke diversi rapporti qed jisħqu li l-Prim Ministru Robert Abela qed jimbotta 'l quddiem lill-Ewroparlamentari Miriam Dalli biex tieħu post l-eks Prim Ministru.

In-nominazzjonijiet għall-elezzjoni każwali għalqu llum f'nofsinhar.

L-eks kandidat tal-Alternattiva Demokratika, Mark Causon u anke l-eks Deputat Laburista Stephen Buontempo, it-tnejn saħqu li ddeċidew li ma jikkontestawx.

Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ħeġġewni u bagħtuli l-isbaħ xewqat għall-elezzjoni għas-siġġu vakanti tal-Onor...

Posted by Mark Causon on Monday, 12 October 2020

"Wara ħsieb profond, minħabba raġunijiet personali, mhux se nippreżenta n-nomina tiegħi għas-siġġu parlamentari. Nirringrazzja lill-Onor. Prim Ministru Dr Robert Abela għall-appoġġ tiegħu u l-parir u l-wegħda tiegħi hija li xorta se nkun qed nassisti lil dawk li jeħtieġu s-servizzi tiegħi minn barra l-parlament," insista Causon.

Min-naħa tiegħu, Buontempo saħaq li llum ikkonferma d-deċiżjoni li kien ħa wara  li tħabbar ir-riżultat tal-Elezzjoni tas-sena 2017, jiġifieri li  jieqaf mil-politika. 

Sorsi li tkellmu mas-sit illum.com.mt insistew li jekk Miriam Dalli tidħol fil-Parlament Malti, ma jidhirx li l-Prim Ministru se jkun qed iħalliha backbencher u għalhekk mhux qed tkun eskluża l-possibbilità ta' reshuffle biex Dalli tingħata rwol fil-Kabinett. 

Illum erġajt ikkonfermajt dik id-deċiżżjoni li kont ħadt wara li tħabbar ir-riżultat tal-Elezzjoni tas-sena 2017, liema...

Posted by Stefan Buontempo on Monday, 12 October 2020

Fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet, Dalli kienet l-aktar kandidata li ġabet voti, jiġifieri 'l fuq minn 63,000 vot. Roberta Metsola, li kienet it-tieni l-aktar kandidata li ġabet voti, kisbet ftit aktar minn 38,000 vot.

Kollox jindika, li jekk Dalli tirriżenja mill-Parlament Ewropew, postha jkun qed jimtela' minn Cyrus Engerer li kien kiseb 'il fuq minn 5,000 vot.

Il-voti tal-kandidati Laburisti fl-aħħar elezzjoni tal-PE; Sors - Kummissjoni Elettorali
Il-voti tal-kandidati Laburisti fl-aħħar elezzjoni tal-PE; Sors - Kummissjoni Elettorali

More in Politika