L-MUT tagħti ultimatum lill-Gvern; Jew titrażżan il-pandemija jew direttivi għall-edukaturi

Twissi li fi ftit jiem jista’ jkun hemm skejjel li ma jkollhomx edukaturi biżżejjed biex jagħtu servizz

Il-Unjin Maltija għall-Għalliema tat ultimatum lill-Gvern biex idaħħal miżuri biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Fi stqarrija, l-MUT ħabbret li se tagħti ċans sa nhar il-Ħamis 15 ta’ Ottubru biex il-Gvern "jibgħat messaġġi ċari, jieħu miżuri ġodda li jrażżnu t-tixrid tal-virus filwaqt li jżid il-miżuri tal-infurzar."

Sadanittant, l-MUT qalet li se tkun qed tħabbar sett ta’ direttivi li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi.

"In-numru ta’ każijiet pożittivi f’pajjiżna huwa kbir filwaqt li dan, flimkien mar-rata tat-trasmissjoni fil-komunità, ser iħalli mpatt fuq l-iskejjel. Kif kien mistenni, diġà kien hemm każijiet pożittivi fl-iskejjel. Din is-sitwazzjoni ma tawgurax tajjeb, u fi ftit jiem jista’ jkollna skejjel li ma jkollhomx edukaturi biżżejjed biex jagħtu servizz minħabba ċirkustanzi ta’ leave tal-kwarantina jew tal-mard," insistiet l-MUT

Hija saħqet li l-isforzi kollha tal-edukaturi, li qed jimplimentaw protokolli tas-saħħa riġidi fl-iskejjel, ser jisfumaw fix-xejn meta l-istudenti jkunu barra mill-iskejjel.

"Huwa magħruf li l-miżuri meħuda mill-gvern, bħal dawk tad-distanza soċjali, mhux qed jiġu infurzati kullimkien. Dan filwaqt li l-miżuri l-oħra, li għandhom l-għan li jrażżnu t-tixrid tal-virus, huma ftit wisq. Barra minn hekk għad hemm wisq direzzjonjiet kunfliġġenti mill-istess esponenti tal-gvern," temmet tgħid il-unjin.

Aqra wkoll:

More in Politika