'L-ITU kważi mimli u dalwaqt mhux se jkampa' - Il-MAM tappella għal aktar miżuri restrittivi

It-tobba insistew li dan jaf ikun l-aħħar sforz hekk kif skont il-WHO hemm ċans li sal-aħħar tas-sena jkun hawn vaċċin kontra l-COVID-19

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed tappella lill-awtoritajiet biex jimplimentaw strateġija effettiva u miżuri simili għal dawk fi Spanja, Franza u r-Renju Unit, bil-għan li l-pandemija tkun ikkontrollata.

Fi stqarrija, it-tobba insistew li s-sitwazzjoni se tiggrava ħafna jekk is-sistema tas-saħħa tikkollassa minħabba numri għolja ħafna ta’ każi attivi.

“Hekk kif kuljum qed jinstabu madwar mitt każ, il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jdaħħal rasu fir-ramel u jisħaq li kollox huwa business-as-usual u dan meta għadu qed ikollna mewta kuljum,” insistew it-tobba.

Saħqu li t-Taqsima tal-Kura Intensiva hija “full-up” u dalwaqt mhux se tkun tiflaħ tkampa aktar kemm minħabba l-Covid u anke minħabba mard u inċidenti oħra.

“Aktar pazjenti, anke żgħar, qed ikollhom jiddaħħlu l-isptar b’sintomi serji kuljum,” komplew.

Appellaw lill-Gvern biex jieqaf jibgħat messaġġi li l-pandemija hija taħt kontroll għax dan qed iwassal biex ħafna persuni mhux qed jieħdu l-miżuri bis-serjetà, anke meta jiġu biex jilbsu l-maskra.

Għalhekk insistew lill-Gvern biex "iwarrab il-populiżmu| u jindirizza din is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun.

“L-idea li ċ-ċittadini anzjani tagħna jistgħu jiġu ssagrifikati għall-ekonomija mhijiex aċċettabbli,” komplew it-tobba.

Filwaqt li rrikonoxxew li n-nies għajjew bil-miżuri, fakkret li skont il-WHO sal-aħħar tas-sena jaf ikun hawn vaċċin u għalhekk insitiet li dan jista’ jkun l-aħħar sforz.

Il-MAM qed tappella għal dawn il-miżuri:

  • L-ilbies tal-maskra jsir obbligatorju kullimkien, inkluż fuq il-postijiet tax-xogħol anke fejn hemm id-distanza soċjali
  • Kampanja ta’ edukazzjoni serja dwar l-ilbies tal-maskra
  • Tiżdied il-protezzjoni tal-anzjani u l-persuni l-aktar vulnerabbli
  • Aktar infurzar fuq l-ilbies tal-maskra inkluż aktar multi
  • Screening mandatorju fuq kull passiġier li jasal Malta biex dawn ikollhom f’idhom test negattiv li jkunu għamlu mhux aktar minn 72 siegħa qabel jaslu Malta.
  • Jieqfu t-titjiriet lejn Malta minn dawn l-ibliet li jinsabu taħt lockdown
  • Aktar kumpaniji jkunu mħeġġa jirrikorru għat-teleworking

More in Politika