Il-lukanda ta' ħames stilel Hyatt Regency Malta tiftaħ il-bibien tagħha

B'investiment ta' €45 miljun bħalissa hi l-ewwel 5 Star Hotel Superior liċenzjata f'Malta

Il-Ministru Farrugia Portelli waqt il-ftuħ tal-lukanda
Il-Ministru Farrugia Portelli waqt il-ftuħ tal-lukanda

ll-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, żaret il-kumpless ta' Baystreet bħala parti mill-konsultazzjoni varja li qed issir mill-Gvern Malti mal-idustrija, bi preparazzjoni għall-Bagit 2021.

Iż-żjara bdiet mill-Hyatt Regency Malta, lukanda bi brand internazzjonali li matul dawn dawn l-aħħar xhur għamlet investiment ta' madwar €45 miljun biex minn għada tista' uffiċjalment tiftaħ il-bibien tagħha, wara li ngħatat il-liċenzja biex topera, mill-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu. Ta' min jinnota l-fatt li, meta l-istess awtorità kienet qed tagħmel l-ispezzjonijiet tagħha, il-Hyatt Regency issuperat mhux bi ftit il-livell meħtieġ biex topera bħala lukanda ta' ħames stilel, u għaldaqstant ingħatat ċertifikat biex tibda topera fi klassi għola, preċiżament bħala lukanda ta' ħames stilel superjuri. Dan iċ-ċertifikat ġie ppreżentat mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli lit-tmexxija tal-lukanda.

Il-lukanda Hyatt Regency Malta, li għandha madwar 150 kamra, impjegat diġà aktar minn 100 ħaddiem. Il-Hyatt International Group għandha mijiet ta' lukandi rinomati madwar id-dinja u din il-lukanda hija l-aktar lukanda ġdida tagħhom u qed tingħata importanza kbira fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli faħħret dan l-investiment fejn dawn iż-żewġ lukandi fost oħrajn, dawwru l-isfida tal-COVID f'opportunità biex itejjbu l-prodott li joffru u tgħola l-kwalità, li tant dan il-Gvern qed jinvesti fuqha fi strateġija għal turiżmu sostenibbli. Żiedet tgħid kif dan l-investiment ta' €45 miljun jagħti fiduċja lill-industrija tat-turiżmu u l-ekonomija Maltija u rrimarkat ukoll kif s'issa dan l-investiment ħoloq aktar minn 100 impjieg barra numru ta' xogħolijiet oħra li ġew eżegwiti minn kuntratturi lokali u l-ħaddiema tagħhom.

Albert Galea Kap Eżekuttiv tal-Baystreet Group esprima s-sodisfazzjon tiegħu f'isem it-tmexxija tal-Baystreet Group, u stqarr li jinsab onorat li l-grupp ingħata rikonoxximent ta' klassifikazzjoni superjuri fuq żewġ lukandi tal-grupp mill-Ministru għat-Turiżmu, b'waħda minnhom dik tal-Hyatt Regency Malta, ssir preżentament l-ewwel 5 Star Superior f'Malta. Żied jgħid li l-brand Hyatt m'għandha bżonn l-ebda introduzzjoni u li minn għada stess jinsabu ottimisti, hekk kif il-lukanda se tiftaħ uffiċjalment il-bibien tagħha.

Il-Ministru żaret ukoll il-be.Hotel li hija parti mill-kumpless ta' Baystreet li llum ukoll ġiet promossa minn lukanda ta' 4 stilel għal lukanda ta' 4 stilel superjuri. Dan jirrifletti l-investiment multi-miljunarju li għamlet kemm il-lukanda kif ukoll il-kumpless ta' Baystreet waqt il-perjodu ta' COVID-19. It-tmexxija tal-Baystreet grupp irrimarkaw il-fatt li matul il-ftuħ mill-ġdid tal-lukanda minn meta nfetħu r-restrizzjonijiet s'issa, kellhom okkupanza medja ta' madwar 68%. Il-Ministru kienet akkumpanjata waqt din iż-żjara minn rappreżentanti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-kumitat tal-"Paceville Town Centre Management".

More in Politika