'Gvern bulldozer' - 60 għaqda jwiegħdu li l-kwistjoni tal-Miżieb mhux se tieqaf hawn!

60 għaqda mhux governattiva jakkużaw lill-Gvern b'tattiċi ta' bulldozer kontra l-pubbliku fuq il-kwistjoni tal-MIżieb

Il-ftehim tal-bieraħ.  Wara l-membri tal-FKNK il-Ministri Ian Borg, Aaron Farrugia, Clint Camilleri u Chris Agius
Il-ftehim tal-bieraħ. Wara l-membri tal-FKNK il-Ministri Ian Borg, Aaron Farrugia, Clint Camilleri u Chris Agius

Il-koalizzjoni ta' 60 għaqda mhux governattiva Spazji Miftuħa kkundannat lill-Gvern u akkużatu illi huwa bħal bulldozer "li għadda minn fuq l-opinjoni pubblika" fuq il-kwistjoni tal-art tal-Miżieb. 

Ilbieraħ kien iffirmat ftehim -  li fil-fatt kien ipprogrammat li jiġi iffirmat għada - minn wara dahar il-midja li  ma kinitx mistiedna biex tistaqsi l-mistoqsijiet.  Dan sabiex l-art tal-MIżieb tgħaddi għand il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK).  Dan il-ftehim ġab kritika qawwija fil-konfront tal-Gvern, kemm mill-ambjentalisti imma anke minn żewġ għaqdiet tal-kaċċaturi

Din il-koalizzjoni ta' għaqdiet qalet illi l-mod "mhux etiku u diżrispettuż ta' kif ġie ffirmat wara dahar kulħadd mill-Ministri Ian Borg, Aaron Farrugia u Chris Agius juri biss li kienu fil-ħażin."

L-għaqdiet mhux governattivi qalu illi ħafna nies qed jibgħatulhom messaġġi jistaqsu kif jistgħu jagħmlu l-parti tagħhom.  Huma qed iħeġġu lin-nies biex għada jmorru jimxu l-Miżieb u ħabbru li fiż-żmien li ġej se tkun organizzata attività minn dawk kollha li huma parti mill-koalizzjoni u dawk ukoll li se jissieħbu fiż-żmien li ġej. 

More in Politika