‘Kollox huwa possibbli li jitkompla jekk nikkoperaw ... kemm it-tfal u anke l-ġenituri qed jifhmu’

Il-gazzetta ILLUM iżżur l-iskola San Anton biex tara b’għajnejha kif qed topera l-iskola bil-miżuri u l-protokolli li ġew implimentati biex l-iskola setgħet tiftaħ mill-ġdid il-bibien tagħha għall-istudenti. Kellhom biżżejjed klassijiet? X’qed isir għall-homework? Hemm min mhux jibgħat lit-tfal?

Kory, il-Mascot tal-iskola li qed jgħin lit-tfal isegwu r-regolamenti tal-Covid-19 jilqa’ lill-istudenti fil-bieb tal-iskola
Kory, il-Mascot tal-iskola li qed jgħin lit-tfal isegwu r-regolamenti tal-Covid-19 jilqa’ lill-istudenti fil-bieb tal-iskola

Mijiet ta’ studenti rritornaw lura wara l-bankijiet tal-iskola, din id-darba mbiegħda aktar mis-soltu minn xulxin filwaqt li oħrajn se jkunu qed jirritornaw fil-klassijiet fil-jiem li ġejjin biex hekk taqbad ir-ritmu s-sena skolastika 2020/21. Fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida, il-gazzetta ILLUM żaret l-Iskola San Anton biex tifhem aħjar kif qed jiġu segwiti l-protokolli mħabbra mill-awtoritajiet tas-saħħa u anke biex tara l-miżuri li implimentat din l-iskola biex tilqa’ lill-istudenti f’ambjent sigur għalihom, l-edukaturi u l-istaff kollu kemm hu.

Il-gazzetta ILLUM ma setgħetx tidħol fl-iskola, anke għax fl-iskejjel ma jista’ jidħol ħadd għajr l-edukaturi, l-istudenti u l-istaff. Għalhekk, l-ILLUM iltaqgħet fuq barra ma’ Denise Zammit (Chief Operations Officer), Maria Pia Galea (Head of Admissions, Communications & Development), Bernardette Stivala (Kap tal-ewwel snin), Erica Spiteri (Kap tal-Juniors, minn Year 3 sa 5) u Etienne Ebejer (Kap tal-aħħar snin).

Denise Zammit spjegat kif minnufih malli ngħalqu l-iskejjel, f’Marzu li għadda, twaqqaf Kumitat apposta, magħmul mill-persuni msemmija hawn fuq, flimkien mal-Kap tal-Iskola, Dr Sandro Spiteri, biex bdew il-preparamenti għal meta l-iskejjel kienu se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom. Fil-fatt, tista’ tgħid, li l-Iskola San Anton kienet diġà ħasbet fuq diversi miżuri qabel ma’ dawn tħabbru mill-awtoritajiet tas-saħħa u kienet f’pożizzjoni li timplimentahom minnufih.

Iżda din l-Iskola ħasbet u nediet ukoll inizjattivi oħra, fosthom kampanja ta’ edukazzjoni biex l-istudenti u anke l-edukaturi jifhmu mhux biss aħjar x’inhu l-Covid-19, imma anke l-miżuri ta’ mitigazzjoni li huma bżonjużi biex tkun ikkontrollata l-imxija. Fost oħrajn, l-iskola San Anton għandha Mascot, żrinġ jismu Kory, li mhux biss jeduka lill-istudenti dwar il-Covid-19 iżda kull filgħodu jilqagħhom, jgħin fit-teħid tat-temperatura u jassigura li kulħadd ikun liebes il-maskra, kemm l-istudenti u anke l-edukaturi.

Apparti għall-istudenti, sar kors estensiv għall-għalliema kollha biex mhux biss jifhmu din in-normalità l-ġdida fil-klassijiet u kif se taffettwa t-tagħlim u l-operat tagħhom, imma biex ikunu mħejjija tajjeb sabiex jgħinu lill-istudenti jsegwu r-regoli. 

Waħda mil-lezzjonijiet tal-arti li qed issir f’wieħed mill-ispazju miftuħ tal-iskola
Waħda mil-lezzjonijiet tal-arti li qed issir f’wieħed mill-ispazju miftuħ tal-iskola

Kif irnexxielhom jakkomodaw lill-istudenti kollha fil-klassijiet?

Zammit u anke l-uffiċjali l-oħra tal-iskola, spjegaw mal-gazzetta ILLUM kif bħal kwalunkwe skola oħra, l-akbar sfida kienu klassijiet li issa kellhom jiċċeknu minħabba li bejn bank u ieħor trid tinżamm id-distanza soċjali.

Anke jekk kien hemm bżonn aktar klassijiet, l-iskola rnexxielha takkomoda lill-istudenti kollha, jiġifieri 1,300 tifel u tifla, li fil-jiem li ġejjin se jkunu daħlu kollha.

Zammit spjegat kif, fost oħrajn, l-iskola għamlet użu mill-klassijiet pre-fabricated anke għax dawn ikunu attrezzati b’dak kollu meħtieġ inkluż arja kkundizzjonata. Fil-fatt, uħud minn dawn il-klassijiet pre-fabricated għenu biex setgħu ġew estiżi xi klassijiet.

Bernardette Stivala, li tieħu ħsieb l-ewwel snin tal-iskola, spjegat kif diversi klassijiet f’din l-iskola għandhom bieb ukoll għal btieħi u għaldaqstant, dawn il-klassijiet pre-fabricated setgħu jitpoġġew b’tali mod li l-klassijiet tkabbru, filwaqt li xorta waħda tinżamm id-distanza soċjali.

Fuq kollox, ħadu ħsieb li anke fil-klassijiet, minkejja dawn il-miżuri, jinżamm ambjent sabiħ għall-istudenti.

Ovvjament l-iskola, kompliet tispjega Denise Zammit, kellha tinvesti biex setgħet tibni anke klassijiet oħra bil-gypsum, dejjem biex iżżid l-għadd tal-klassijiet. Apparti minn hekk, l-iskola ħejjiet klinika oħra biex issa għandha tnejn u għalhekk tkun tista’ tirrispetta aħjar is-sistema tal-bubbles (biex ma jkunx hemm ħafna taħlit bejn l-istudenti) waqt li tħejjiet ukoll kamra għall-iżolament, f’każ li jkun hemm xi studenti ma jifilħux.

“Mhux għax l-iskola tagħna imma ħdimna ħafna. Kellna feedback tajjeb ħafna mill-ġenituri. Ħafna qalulna li għandhom moħħhom mistrieħ, kburin li jibagħtu lit-tfal fl-iskola tagħna u konvinti li qed nagħmlu l-almu kollu tagħna biex ikun hawn ambjent sigur għal kulħadd,” kompliet tgħidilna Stivala. 

Il-klassijiet pre-fabricated li qed jintużaw bħala estensjoni tal-klassijiet
Il-klassijiet pre-fabricated li qed jintużaw bħala estensjoni tal-klassijiet

It-tindif qiegħed jingħata prijorità...

Zammit kompliet tispjega li t-tindif fl-iskola qiegħed jingħata prijorità u biex dan iseħħ, mhux biss kellu jiżdied l-istaff imma anke tinbidel is-sistema.

It-tindif tal-iskola qiegħed isir filgħaxijiet, meta jkun telaq kulħadd. Wara li jsir it-tindif ta’ kull klassi, din qed tiġi ffumigata, kif qed isir f’kull spazju tal-iskola.

Fil-fatt, kontinwament isir ukoll it-tindif tal-ġugarelli, fil-każ tal-istudenti żgħar ħafna u anke apparat li jintuża fil-klassijiet u labs. Ħafna minn dan l-apparat kellu jitnaqqas ukoll u qed jintuża dak biss li huwa essenzjali għat-tagħlim.

“Il-fumigazzjoni hija sigura għat-tfal. Ma tużax kimiċi perikolużi u mhijiex tossika. L-iskola ġiet iċċertifikata,” insistiet Zammit.

Kif qed jidħlu t-tfal fl-iskola? Kif qed jinżammu l-bubbles?

“Aħna rridu li nżommu l-virus ‘il barra mill-iskola,” kompliet Zammit u għalhekk li ġew implimentati miżuri oħra. Fost dawn, kull min jidħol l-iskola qed titteħidlu t-temperatura u jingħata sticker biex titwaħħal mal-ħwejjeġ. Din qed tinbidel kuljum. 

“Dan il-proċess qed isir kull filgħodu,” kompliet Zammit.

L-iskola qed tuża wkoll tliet entraturi, waħda għall-kbar, oħra għall-klassijiet tan-nofs u oħra għat-tfal iż-żgħar. Apparti minn hekk, l-istudenti qed jaslu u jitilqu f’ħinijiet differenti, jiġifieri bejn is-7:30am u d-9:00am u bejn is-1:30pm u t-3:30pm.

Il-posters li jinsabu mifruxa madwar l-iskola kollha biex jgħinu lill-istudenti jsegwi l-miżurif’wieħed mi
Il-posters li jinsabu mifruxa madwar l-iskola kollha biex jgħinu lill-istudenti jsegwi l-miżurif’wieħed mi

Żdiedu wkoll is-supervisions, inkluż fil-breaks, biex ikun assigurat li anke f’dawn il-ħinijiet, l-istudenti jżommu mal-bubbles tagħhom.

Fil-fatt, anke għall-breaks, il-klassijiet qed joħorġu minn bibien differenti biex imorru fiż-żoni fil-btieħi li huma indikati għalihom. 

“Aħna għandna l-vantaġġ li l-iskola kbira u għandna ħafna spazji miftuħa,” saħqet Zammit.

Biex jonqos il-kuntatt bejn l-istudenti, kemm l-assemblies, il-quddies u anke l-laqgħat mal-istudenti qed isiru onlajn.

Ftit huma l-istudenti li mhux jintbagħtu l-iskola

Mistoqsija kemm hemm ġenituri li għażlu li ma jibagħtux lit-tfal l-iskola, l-edukaturi spjegaw kif huma 4.7% biss tal-istudenti li mhux qed imorru fiżikament fil-klassijiet.

Dawn l-istudenti qed jingħataw il-lezzjonijiet tagħhom mid-dar biex ma jitħallewx jitilfu mill-materjal.

“Huma ftit ħafna. Il-ġenituri ħassew li l-iskola hija sigura,” spjegat Denise.

Fil-fatt, Maria Pia Galea saħqet kif tul is-sajf kollu, il-Kap tal-iskola żamm kuntatt kontinwu mal-ġenituri fejn ġew infurmati b’dak kollu li kien għaddej l-iskola biex tkun imħejjija tajjeb.

“Dan għen ħafna għax ma kienx hemm inċertezza fost il-ġenituri,” insistiet.

U x’qed isir għall-homework?

Spjegaw ukoll il-passi li qed jittieħdu mhux biss biex jiġu mislufa kotba mil-librerija imma anke biex jinġabar ix-xogħol li l-istudenti jagħtu lit-tfal.

Zammit spjegat kif kemm qabel jinħarġu u wara li jidħlu lura, il-kotba jinżammu fi ‘kwarantina’ għal 72 siegħa. L-istudenti jagħmlu l-ordni tagħhom b’mod onlajn u l-kotba jitwaslulhom direttament fil-klassijiet.

Bernardette Stivala spjegat kif għat-tfal żgħar (Year 1 u 2), l-iskola għandha sistema ta’ kotba onlajn. Din is-sena, dan is-servizz ġie estiż biex anke l-istudenti tal-kinder 2 jkunu jistgħu jaċċessaw il-kotba onlajn.

Fejn jidħol homework, l-istudenti ż-żgħar ftit li xejn ikollhom għax ix-xogħol ta’ kitba jsir fl-iskola stess biex id-dar jiffukaw aktar fuq il-qari.

Fil-każ tas-snin aktar avvanzati, tkellimna ma’ Etienne Ebejer li insistiet li fejn possibbli, dan qed isir onlajn biex ma jkunx hemm bżonn karti jew pitazzi li jgħaddu minn id għall-oħra.

Ovvjament ġieli jkun hemm bżonn it-tqassim ta’ karti għal xogħol fl-iskola, speċjalment fejn jidħlu testijiet.

F’każi bħal dawn, l-għalliema qed jipprintjaw il-karti tlett ijiem qabel. Qabel iqassmu x-xogħol, qed jaħslu jdejhom bis-sanitisers u meta jiġbru lura l-karti, qabel jikkoreġu, jħalluhom tlett ijiem oħra. “Il-bqija tax-xogħol qed isir onlajn.”

‘Kemm jista’ jkun qed nużaw l-ispazji fuq barra...’

Minkejja l-użu tal-pre-fabricated classrooms, l-iskola San Anton fadlilha ħafna spazju fuq barra u kif tagħmel dejjem, din is-sena rat kif se timmassimizza l-użu tal-btieħi barra biex fihom ikun jista’ jsir it-tagħlim.

Fil-fatt, ġew installati tined fissi u anke żoni għad-dell bil-għan li ċertu lezzjonijiet ikunu jistgħu jsiru fuq barra, fosthom il-PE u t-tagħlim tal-mużika, id-drama u l-arti.

“Aħna dejjem kellna l-filsofija li nużaw l-ispazji ta’ barra biex nagħlmu, anke għal-lezzjonijiet bħall-Ingliż u l-Matematika u din is-sena żidna aktar,” kompliet tispjegalna. “Aħna kważi nqattgħu aktar ħin barra milli fil-klassijiet. Għalina normali. Bil-Covid għandna opportunità biex inżidu t-tagħlim fuq barra.”

‘It-tfal qed jikkoperaw ħafna ... ma tara lil ħadd mhux bil-maskra’

“Ovvjament din hija sistema ġdida għall-istudenti u l-ġenituri. Fl-ewwel jiem tal-iskola kellna sessjonijiet ta’ orjentazzjoni għall-istudenti fejn spjegajna kollox. Beħsiebna wkoll li nagħmlu sessjoni oħra mal-ġenituri wkoll,” kompliet tispjega Ebejer. “Kollox huwa possibbli li jitkompla jekk nużaw il-mezzi li hemm bżonn.”

Qalet li anke jekk din hija sena diffiċli għall-istudenti, kif wara kollox hija għal kulħadd, anke huma qed jifhmu.

Fil-fatt, ħafna mis-servizzi li normalment toffri l-iskola, din is-sena ma kinux possibbli. Il-canteen jinsab magħluq u anke l-attivitajiet extra-kurrikulari li jsiru wara l-ħin tal-iskola kellhom jitnaqqsu. Attivitajiet bħal tisjir u dawk tal-IT mhux qed isiru u l-iskola żammet biss ftit sports, li jista’ jsir barra, skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. 

“L-istudenti qed jifhmu u qed jikkoperaw ħafna. Ovvjament trid tinforza u turihom li qed timmoniterja. Ma tarax tfal bil-maskra taħt imneħirhom,” insistiet.

Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM, anke jekk mill-bogħod, setgħet tara lill-istudenti waqt il-lezzjonijiet tagħhom. Kollha kienu bil-maskra u ma’ qaddhom pouch li fih, fost affarijiet oħra, qed iżommu sanitiser u anke maskra oħra. 

More in Politika