'Qatt qabel ma niżel daqshekk fil-baxx' - L-FPPN jirreaġixxi għall-kumment tal-PM dwar ir-rapport tal-Moneyval

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista insista li jekk il-Moneyval jikkundanna lil Malta, dan huwa kollu frott l-allegazzjonijiet serji u d-dubji dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat

Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista wera t-tħassib tiegħu għall-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ dwar ir-rapport tal-Moneyval u akkużah li "qatt daqs ilbieraħ ma waqa' daqshekk fil-baxx." Dan hekk kif il-Prim Ministru qal li jekk ir-rapport tal-Moneyval ipoġġi lil Malta fuq il-lista l-griża, dan huwa tort ta' Bernard Grech u Adrian Delia. 

"Il-Prim Ministru Abela jew ma jifhimx fl-aktar affarijiet elementari fejn jidħol il-Moneval jew inkella qed jipprova jqarraq in-nazzjon," kompla l-Forum.

Insista li jekk il-Moneyval jikkundanna lil Malta, dan huwa kollu frott il-fatt li l-allegazzjonijiet serji u d-dubji dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat mhux talli ma kinux indirizzati talli ntefgħu taħt it-tapit.

"Jekk il-Moneyval jikkundanna lil Malta dan huwa frott il-fatt li l-preduċessur ta' Abela kellu biżżejjed kredenzjali biex jingħata l-premju tal-aktar politiku korrott tal-2019," kompla l-Forum.

Insista li Abela jagħmel sew jekk jammetti li dan kollu huwa riżultat ta' azzjonijiet ta' Gvern Laburista u n-nuqqas ta' azzjoni tiegħu kontra l-korruzzjoni u għat-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt.

"L-uniku tama li għandha Malta hija li ssir ġustizzja. Malta trid turi li l-korruzzjoni mhijiex aċċettabbli. Malta trid turi li anke l-ogħla politiċi għandhom jiffaċċjaw il-ġustizzja u jekk hemm bżonn jeħlu l-ħabs jekk jiksru l-liġi," insista l-Forum.

L-istqarrija temmet tgħid li Robert Abela jidher li huwa aktar bieżel "jipprova jilgħab il-logħob" u jidher "invinċibbli" f'Kastilja.

More in Politika