'B'dan il-pass jiena qed inservi lill-pajjiżi'; Ivan Bartolo jirriżenja biex iċedi s-siġġu lil Bernard Grech

Bernard Grech se jkun qed jieħu l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni nhar l-Erbgħa li ġej

Ivan Bartolo
Ivan Bartolo

Hekk kif il-Parlament reġa' fetaħ il-bibien tiegħu wara l-waqfa tas-sajf, l-ewwel biċċa xogħol kienet il-bidu tal-proċess biex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jieħu postu fil-Parlament bħala Deputat biex sa nhar l-Erbgħa jieħu l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Malli ntemm il-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari, id-Deputat Ivan Bartolo, kif ħabbar ilbieraħ, informa lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li kien qed jirriżenja mill-Parlament biex hekk is-siġġu tiegħu jkun jista' jieħdu Bernard Grech.

Peress li Ivan  Bartolo ġie elett b'elezzjoni każwali, wara li kienet irriżenjat Marthese Portelli, ma tiskattax il-proċedura min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali, imma s-siġġu, permezz tal-proċedura magħrufa bħala 'co-option' jieħdu membru li jagħżel il-Partit Nazzjonalista.

Biex Grech jidħol fil-Parlament, trid issir mozzjoni mill-Prim Ministru. Fil-fatt, ikun il-Partit Nazzjonalista stess li jikteb lill-Prim Ministru biex dan iressaq din il-mozzjoni.

Wara dan, Bernard Grech ikun jista' jieħu l-ġurament bħala Membru Parlamentari biex imbagħad il-President tar-Repubblika jagħtih ukoll il-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Dan se jsir nhar il-Erbgħa li ġej. Fil-fatt, Grech se jieħu l-ġurament bħala Deputat Parlamentari għada u l-Erbgħa l-President jagħtih il-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

F'diskors qasir, Ivan Bartolo insista li kien privileġġ għalih li jservi, anke jekk għal ftit xhur, fil-Parlament Malti. Fakkar li fl-ewwel diskors tiegħu tkellem fuq l-attitudni.

"Ħafna minnha dħalna hawn ġew biex jirbħu n-nies ta' hemm barra. Jekk mhux qed jirbħu n-nies ta' hemm barra, aħna qed nitilfu magħhom. Ma nixtieqx nara politika partiġġjana hawn ġew," insista Bartolo. "Jiena dħalt hawn ġew biex inservi u b'dan il-pass jiena qiegħed inservi lill-pajjiżi," kompla jisħaq waqt li tkellemt dwar l-importanza li l-pajjiż ikollu Oppożizzjoni b'saħħitha.

Bartolo rringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni uxxenti, Adrian Delia, kemm għas-servizz tiegħu u anke għall-fiduċja li wera fih f'dawn ix-xhur bħala kelliem tal-Oppożizzjoni. Irringrazzja wkoll lill-Whip u lill-Ispeaker u lit-tim tiegħu għall-professjonalità li fi kliemu, biha jitmexxa l-Parlament Malti.

Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia rringrazzjaw għas-sehem tiegħu u ddeskrivih bħala Deputat validu ħafna għall-Parlament Malti.

Ivan Bartolo rringrazzja wkoll lil Adrian Delia li kien preżenti fil-Parlament
Ivan Bartolo rringrazzja wkoll lil Adrian Delia li kien preżenti fil-Parlament

More in Politika