'Nilqa' l-istedina ta' Robert Abela .. se nitlob laqgħa uffiċjali f'Kastilja'

Grech insista li se jiddiskuti mal-Prim Ministru l-kuntratt tal-electogas, il-pandemija u l-proposta tiegħu għal konferenza nazzjonali dwar il-popolazzjoni u l-immigrazzjoni

Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħaq li qed jilqa' t-talba tal-Prim Ministru Robert Abela u malli jieħu l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni se jkun qed jitlob laqgħa uffiċjali f'Kastilja biex jiddiskuti miegħu kwistjonijiet urġenti.

Grech saħaq li se jkun qed jiddiskuti l-mozzjoni biex  issir inkjesta indipendenti dwar "il-kuntratt korrott" tal-Electrogas.

Wera x-xewqa li jiddiskuti mal-Prim Ministru wkoll it-tħassib dwar il-pandemija, speċjalment fid-djar tal-anzjani. 

"Se nerġa' nitlob li tinġarr responsabbiltà politika," insista Grech. "Il-bżonn li l-Gvern iżomm il-pandemija taħt kontroll biex ma jkollnix nerġgħu nagħlqu l-iskejjel għad-detriment tal-istudenti kif ukoll tal-ġenituri tagħhom."

Nilqa' l-istedina li għamilli l-Mexxej Laburista Robert Abela għal-laqgħa fil-jiem li ġejjin. Jien se nieħu din...

Posted by Bernard Grech on Monday, 5 October 2020

Insista li se jiddiskuti wkoll il-bżonn "urġenti" li wara djalogu mal-imsieħba soċjali, il-Gvern iwieżen is-setturi ekonomiċi l-aktar milquta mill-konsegwenzi tal-pandemija, ewlenin fosthom is-settur turistiku.

Se jkun qed jipproponi wkoll li ssir konferenza nazzjonali dwar il-popolazzjoni u l-immigrazzjoni.

Grech mistenni jieħu l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni aktar tard din il-ġimgħa wara li jirriżenja mill-Parlament Ivan Bartolo li ddikjara pubblikament li se jkun qed iċedilu postu.

More in Politika