'Ejjew magħna. Dan mhux il-punt tal-wasla, imma l-punt tat-tluq għal kull min huwa ta' rieda tajba'

Il-Kap il-ġdid Nazzjonalista Bernard Grech jgħid lil Adrian  Delia: 'Minn għada npoġġu flimkien biex insaħħu lill-Partit Nazzjonalista'

Bernard Grech.  Ritratt ta' Mediatoday/James Bianchi
Bernard Grech. Ritratt ta' Mediatoday/James Bianchi

Fl-ewwel messaġġ tiegħu dak li se jkun il-Kap ġdid Nazzjonalista Bernard Grech saħaq illi dak tal-lum huwa biss l-ewwel pass, "minn mixja ta' dawk in-nies kollha ta' rieda tajba ... is-sejħa tiegħi hija:  Ejjew magħna!  Ejja nagħmlu lill-Partit Nazzjonalista b'saħħtu, ħalli ngħaqqduh, inġedduh u flimkien iva nirnexxu."

Bernard Grech għamel rebħa kbira fost it-tesserati hekk kif kiseb 69.3% u distakk ta' 7,011-il vot fuq Adrian Delia. 

Grech wiegħed lil dawk kollha li ma vvotawx lilu li se jkun qiegħed jaħdem biex jikkonvinċihom filwaqt li dar fuq il-Kap uxxenti Adrian Delia u faħħru talli sab is-saħħa biex jgħaddi messaġġ ta' lealtà.  "Jiena lil Adrian Delia ngħidlu, minn għada npoġġu flimkien biex naraw kif l-aħjar insaħħu lill-Partit Nazzjonalista.  Jiena rridu jkun parti mill-ħidma tal-partit u hu jrid ukoll." 

"Se naħdem kemm niflaħ biex nikkonvinċi lil dawk li ma vvotawlix ... lil dawk li ma setgħux jivvotaw ngħidilhom li huma parti minn din il-familja kbira Nazzjonalista," saħaq il-Kap elett Bernard Grech. 

Huwa qal li Robert Arrigo u David Agius għandhom jibqgħu jaħdmu miegħu wkoll u huma mistednin jagħmlu dan, kif qal li huwa mistieden kull deputat.  Arrigo u Agius ma kinux preżenti llum wara r-riżultat ta' Grech. 

Filwaqt li għamel referenza għall-anzjani u l-vulnerabbli fakkar li huwa dmir u obbligu li jkun aċċertat li dawn jgħixu b'mod seren u sigur.

Grech temm jgħid li dan ir-riżultat jimlieh bir-responsabilità kbira, "li nservi lilkom u lill-poplu."

"Ejjew magħna.  Dan mhuwiex il-punt tal-wasla, imma l-punt tat-tluq," temm jgħid Bernard Grech.

Iktar tard waqt konferenza tal-aħbarijiet Grech qal li huwa qal illi beħsiebu jżomm l-iskema taċ-ċedoli u jbiddel jew jibni fuqha.

More in Politika