Investiment ta’ €740,000 għar-riġenerazzjoni ta’ 16-il blokka ta’ housing soċjali fir-Rabat

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus esprima sodisfazzjon li wara 30 sena dawn il-blokok ta’ housing soċjali ngħataw nifs ġdid

Il-Ministru Roderick Galdes
Il-Ministru Roderick Galdes

Il-Housing Estate tar-Rabat ingħata nifs ġdid permezz ta’ investiment ta’ €740,000 li ssarraf fit-tisbiħ tal-faċċati, manutenzjoni tal-bjut u xogħlijiet fil-partijiet komuni ta’16-il blokka. Dan il-proġett se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ aktar minn 130 familja li jgħixu f’dawn il-blokok. Proġett, li skont il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, mhux biss qiegħed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jgħixu fihom iżda anke ta’ dawk li jgħixu f’din iż-żona.

“Għal wisq żmien, il-housing soċjali kien sinonimu mat-telqa. Kif jgħid il-Malti, l-ewwel li tolqot hija l-għajn u għalhekk, bini mitluq mhux biss jirrifletti ħażin fuq il-familji li jgħixu fih iżda wkoll iwassal għal effetti negattivi fuq in-nies li jgħixu fl-istess żona. Apparti dan l-investiment, għamilna wkoll investimenti oħra f’dawn il-blokok li fost l-oħrajn wasslu għall-installazzjoni ta’ liftijiet ġodda li għamlu dawn il-binjiet aktar aċċessibbli”.

Żied jgħid li kull familja, irrispettivament mill-isfond soċjali u ekonomiku tagħha, jixraqilha ambjent diċenti u ta’ kwalità fejn tgħix.

“L-inkwilini tal-akkomodazzjoni soċjali, bħal kull persuna oħra f’Malta, għandhom kull dritt li jgħixu u jqattgħu ħajjithom fi spazji estetikament pjaċevoli. Dan m’għandux ikun privileġġ li jgawduh il-ftit, hu x’inhu l-isfond soċjali u ekonomiku tagħna, jixraqilna ħajja diċenti”.

Il-Ministru Roderick Galdes ikkonkluda li dawn il-proġetti tant mistennija mhumiex eżerċizzju superfiċjali iżda eżerċizzju li b’mod tanġibbli qiegħed jagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawn il-familji.

“Ir-riġenerazzjoni tal-oqsma tad-djar mhuwiex eżerċizzju superfiċjali. U dan jixhduh in-nies li niltaqa’ magħhom ta’ kuljum li japprezzaw ix-xogħol li qed nagħmlu u d-differenza li dan il-proġett qed jagħmel fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum”.

In-numri jitkellmu waħedhom, hekk kif matul l-2020, 500 familja li jgħixu f’46 blokka ta’ housing soċjali madwar Malta u Għawdex se jibbenefikaw minn investiment ta’ €2.6 miljun fir-riġenerazzjoni ta’ dawn l-oqsma tad-djar. Dan l-investiment isegwi investimenti preċedenti bħal dak li laħħaq l-€4 miljuni fl-2019.

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus esprima sodisfazzjon li wara 30 sena dawn il-blokok ta’ housing soċjali ngħataw nifs ġdid.

More in Politika