It-tesserati fiż-żoni ta' Ħal Balzan, Swieqi, Ta' Xbiex u Tas-Sliema l-aktar li vvutaw

Għada r-riżultat mistenni jkun magħruf għall-ħabta tal-11pm

Ritratt: Partit Nazzjonalista
Ritratt: Partit Nazzjonalista

Hekk kif ilbieraħ issoktat il-votazzjoni fost it-tesserati Nazzjonalista biex ikun magħżul kap għall-Partit, ivvutaw 16%-il persuna oħra.

Dan ifisser li minn meta fetħet il-votazzjoni, bħal-lum ġimgħa, vvutaw 67% ta' dawk eleġibbli li huma kważi 21,500.

Minn ċifri li għandu f'idejh dan is-sit jirriżulta li l-aktar li vvutaw kienu dawk eliġibbli fis-Swieqi, San Ġiljan u Pembroke fejn sal-bieraħ, ir-raba' jum tal-votazzjoni, kienu diġa' vvutaw 74% tat-tesserati Nazzjonalisti.  F'Ta' Xbiex u l-Gżira ivvutaw 73.8% tat-tesserati sal-bieraħ filwaqt li fil-kaxxa ta' Ħal Balzan, li tinkludi wkoll lit-tesserati ta' Ħ'Attard u Ħal LIja sal-bieraħ kienu vvutaw b'kollox kważi 72%. 

F'Tas-Sliema - il-lokalità bl-akbar numru nta' tesserati - ivvutaw b'kollox 71% ta' dawk eliġibbli.  Hawnhekk hawn b'kollox  1,288 tesserat. 

F'Għawdex, fejn hemm b'kollox 1,711-il tesserat u hawnhekk ivvutaw 66.7%, eżatt daqs il-persentaġġ ta' tesserati tat-tnax il-distrett li jinkludi lill-Mellieħa u San Pawl il-Baħar. 

Il-votazzjoni tkompli llejla bejn is-6pm u d-9pm u anke għada bejn it-8pm u s-2pm f'Għawdex u bejn it-8pm u l-4pm f'Malta.

Wara, il-kaxxi kollha, mifrux fi 17-il post tal-votazzjoni, jitwasslu d-Dar Ċentrali biex ikun jista' jibda l-proċess tal-għadd.

Sal-11pm mistenni li jkun hemm l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat uffiċjali.

Minħabba l-pandemija, il-votazzjoni nfirxet fuq sitt ijiem. 

More in Politika