Tilef lil ommu bil-Covid-19 u issa ma jafx x'sar minn missieru li wkoll jinsab f'Residenza San Ġużepp

Raġel jikteb fuq Facebook jilmenta dwar Residenza San Ġiużepp u jisħaq li ilu jiem jipprova jagħmel kuntatt mad-dar biex jirċievi aħbar dwar missieru

Raġel li tilef lill-ommu bil-Covid-19 wara li din kienet waħda mill-anzjani residenti f'Residenza San Ġużepp, kiteb fuq Facebook jilmenta dwar dik li qed isejħilha "telqa" f'din id-dar tal-anzjani hekk kif ilu ġimgħat jitlob biex missieru (wkoll residenti f'din id-dar) jingħata l-attenzjoni li hemm bżonn, jew saħanistra jkellmu, iżda dejjem baqa' bla tweġiba.

Dan ma kienx l-ewwel persuna li lmenta dwar dan, hekk kif mal-gazzetta ILLUM, bint waħda mir-residenti pożittivi wkoll ilmentat kif saret taf li ommha pożittiva għall-virus għax ċemplet hi biex tistaqsi. Meta l-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt mat-tmexxija tad-dar, anke jekk ikkonfermaw li kien hemm kważi nofs ir-residenti pożittivi, iddeskrivew is-sitwazzjoni bħala waħda "taħt kontroll."

"Ma kelli l-ebda għażla ħlief li nikteb hawn. Ilni jiem nipprova nirċievi aħbar dwar missieri," kiteb dan ir-raġel. 

Huwa akkuża lir-Residenza li ma kinitx kapaċi tikkontrolla l-imxija, anke għax fi kliemu,  ma kinitx qed issegwi l-protokolli.

"L-uniku azzjoni li ħadtu kienet li ssakkru lir-residenti fil-kmamar tagħhom mingħajr ma jistgħu joħorġu, imqar sal-kuritur. Verament taħsbu li din hija s-soluzzjoni meta s-sitwazzjoni ilha għaddejja ġimgħat?" kompla jistaqsi.

Insista li missieru għandu bżonn attenzjoni partikolari. Qal li ilu jiem iċempel biex tabib, wieħed mis-seba' li hemm iduru fid-dar, jinvistah biex jiċċekja l-istat mentali u ta' saħħa ta' missieru u biex almenu, kuljum, jirċievi aħbaru, anke biex ikun jaf jekk hux qed jiekol.

"Kemm-il darba tlabt biex narah fuq skype imma qatt ma weġibtu għat-talba tiegħu," kompla jikteb.

Kien hawn li r-raġel insista li dawn l-anzjani, li għandhom bżonn attenzjoni partikolari, qed jitħallew waħedhom.

"Qed titkellmu fuq kemm fiequ, imma mhux qed titkellmu fuq l-għadd ta' każi ġodda u l-imwiet li seħħew minħabba l-imxija fir-Residenza," kompla jisħaq. "Nifhem li ma nistax nara lil missieri u nifhem li ma nistax niġi u nieħu l-affarijiet ta' ommi u allura missieri jinsab totalment f'idejkom. Nitlobkom biex tieħdu azzjoni immedjata biex tieħdu ħsieb l-għeżież tagħna li aħna afdajna f'idejkom," temm jikteb.

Sal-bieraħ stess, instabu tliet każi oħra pożittivi f'din ir-residenza. 

More in Politika