X'jaqbillu l-PN? Distakk kbir jew żgħir? Elezzjoni kmieni jew le? U x'se joħroġ mill-Whatssapp ta' Yorgen?

Il-gazzetta ILLUM tanalizza l-aħjar u l-agħar xenarji politiċi u ipotetiċi għall-Partit Nazzjonalista, għal Adrian Delia u għal Bernard Grech wara l-elezzjoni ta' nhar is-Sibt ...

Il-kampanja interna fil-Partit Nazzjonalista għal Kap ġdid issa waslet lejn it-tmiem tagħha.  Kif għidna l-ġimgħa l-oħra f'analiżi separata, ma tantx kienet xi kampanja li qajmet ħafna entużjażmu fost l-għeruq tal-PN. 

F'din l-aħħar analiżi se nagħtu ħarsa lejn l-aħjar u l-agħar xenarji għall-Partit Nazzjonalista, kif ukoll għall-kandidati nfushom. 

L-aħjar xenarju:  Rebħa inekwivoka u ċara.  L-agħar:  Riżultat viċin

L-aħjar xenarju elettorali għall-Partit Nazzjonalista huwa li Adrian Delia jew Bernard Greh jirbħu din l-elezzjoni b'mod inekwivoku u ċar.  Issa naturalment "inekwivoku" u "ċar" huwa suġġettiv.  Għalhekk din il-gazzetta se tuża esperjenzi passati kif ukoll is-sens komun biex tasal għal numri li nanalizzaw illi jkunu "inekwivoċi" u "ċari". 

Jekk inħarsu lejn l-elezzjoni interna li kien hemm fil-Partit Laburista - minkejja kuntest kompletament differenti u f'ħafna aspetti l-oppost - naraw illi kien hemm riżultat illi f'dak il-kuntest kien ċar u inekwivoku.  

Robert Abela kiseb 58% tal-voti - kontra l-aspettattiva ġenerali u anke kuntrarjament għas-sondaġġi inizzjali li bdew isiru.  Jiġifieri din kienet rebħa kbira ta' Abela kontra avversarju li kien ilu jitqies bħala s-suċċessur probabbli ta' Muscat, flimkien mal-MEP Miriam Dalli. 

Dan ifisser illi kien hemm element ta' sorpriża hawnhekk li saħħet aktar idejn Abela. 

Fil-każ tal-PN - li jinsab mifrud daqs qatt qabel - ir-riżultat irid ikun ħafna differenti minn dak tal-2017 meta Delia kien rebaħ, imma mhux b'marġini kbar (kważi 53%).  Dan għaliex huwa riżultat inekwivoku biss li jista' joqtol, għallinqas għal żmien biżżejjed, ir-reżistenza kbira li hemm lejn Delia mill-istrutturi tal-partit u minn settur ta' votanti Nazzjonalisti u r-resżistenza kbira li hemm lejn Grech, jew inkella t-tneħħija ta' Delia minn postu. 

Jekk Delia jirbaħ eżatt bl-istess marġini tal-2017 - għalkemm ikun Kap leġittimu, speċjalment fid-dawl tar-reżistenza kbira lejh u għalkemm tkun imbuttatura kbira għalih, li rebaħ minkejja kull ostakolu, xorta dan ir-riżultat ikun ifisser li għandu madwar 47% tat-tesserati kontrih.  Il-fatt li kważi nofs l-għeruq tal-partit huma kontrih jibqa' jagħti impetu lil dawk li huma kontra Delia, biex malli s-sitwazzjoni terġa tikkalma jerġgħu joħorġu fuq l-attakk fuq xi storja jew fatt jew allegazzjoni ġdida. 

Jekk Delia jirbaħ b'aktar minn 55% tal-voti tat-tesserati, apparti li jkun rebaħ, ikun rebaħ ukoll b'mod li jissorprendi bil-kbir.  Minkejja li ma għandu garanzija ta' xejn, dan ir-riżultat jaf iservi ta' loppju għallinqas sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

Dan ma jgħoddx eżattament u ugwalment għal Grech.  Kieku Grech jikseb 51% biex nagħtu eżempju - xorta jkun Kap leġittimu, imma dan ikun ferm 'il bogħod minn dak li ilhom juru s-sondaġġi tal-Mediatoday u oħrajn minn Diċembru u iktar u iktar fl-aħħar ġimgħat, meta kien ċar illi fost it-tesserati Grech jaqbeż lil Delia b'kumdità filwaqt illi fost l-elettorat Nazzjonalista tal-2017 jaqbeż lil Delia b'mod assolut (70% u aktar). 

Dan ikun ifisser illi waqt l-aħħar ġimgħat Grech ikun tilef porzjon sostanzjali tal-appoġġ, probabbilment minħabba nuqqas ta' entużjażmu u l-kwistjoni tat-taxxa . 

L-agħar xenarju li jitratta lil Adrian Delia huwa li jitla' u jirriżulta li waħda minn dawk il-'jekk, jekk u jekk' li ssemmew diversi drabi minn diversi persuni - inkluż taħt ġurament - u fid-due diligence, hija verità

Riżultat bħal dan jagħti lil dawk ta' favur Delia issa l-impetu li jirritaljaw u li ma jikkoperawx fl-għarfien illi Delia  - minkejja kollox - xorta kiseb vot tajjeb ħafna, anke jekk tilef.  Ikun ifisser li 45% - 47% tat-tesserati jappoġġjawh.  Dan mhuwiex ftit għal Kap li kien jidher illi jinsab fi triqtu 'l barra. 

Għalhekk riżultat ċar u inekwivoku mhuwiex persentaġġ ugwali għat-tnejn għalkemm naslu għal konklużjoni illi jekk Delia jikseb 55% jew aktar ikun għamel rebħa kbira, filwaqt li jekk Grech jaqbeż is-60% ikun b'saħħtu u riżultat ċar, rebħa kbira imma xi ftit jew wisq mistennija, filwaqt li jekk jaqbeż il-65% ikollu rebħa kbira u ċara u fl-istess ħin b'xi ftit ta' sorpriża wkoll.  

L-agħar għal Bernard: Elezzjoni Ġenerali kmieni

Jekk ikun elett Bernard Grech, l-agħar xenarju għalih - u mhux neċessarjament l-istess għal Delia - ikun illi l-PM Robert Abela jsejjaħ elezzjoni ġenerali fix-xhur ta' wara, ejja ngħidu fl-ewwel erba' xhur tal-2021. 

Dan huwa l-agħar xenarju għaliex jekk ikun elett Grech, probabbilment illi dan iseħħ minħabba l-għatx fil-Partit Nazzjonalista għall-għaqda u għall-voti. Il-probabbilità li Grech ikun irnexxielu jsib saqajh u beda jfejjaq xi ftit mill-ġrieħi fi ftit xhur, ma jidhirx li tista' tkun daqstant kbira.  Iktar u iktar jekk Grech ma jieħux passi fid-direzzjoni ta' rikonċiljazzjoni ma' Adrian Delia u dawk li jappoġġjawh, letteralment fl-ewwel jiem tiegħu. 

Jekk elezzjoni ssir - ejja ngħidu f'Marzu li ġej - Grech ikollu biss erba' xhur biex jorganizza lill-PN għal kampanja li jingħad illi m'hemmx flus għaliha, u fl-istess ħin inaqqas id-distakk f'livelli taħt il-35,000 vot.  Avolja xejn ma hu impossibbli u minkejja li l-fortuni politiċi tal-Partit Laburista m'għadhomx li kienu taħt l-eks PM u Mexxej tal-PL Joseph Muscat, xorta jibqa' fatt li din l-isfida tkun waħda kważi impossibbli. 

B'riżultat elettorali ipotetiku b'distakk ta' 35,000+ voti l-effett "Bernard" jieħu daqqa li tista' tkun mortali u naturalment dawk li se jivvutaw lil Delia imbagħad jgħidu illi minkejja li Grech kien elett biex inaqqas dan id-distakk grazzi għall-għaqda -  sal-elezzjoni, dan ma għamlux.

Rebħa għal Grech din il-ġimgħa taf tirriżulta f'inbid qares għalih, jekk il-Prim Ministru jagħmel kalkolu politiku u jsejjaħ elezzjoni kmieni.  

L-agħar għal Delia: Jitla'  - jiġu żvelati xi fatti dannużi - u terġa tqum tromba kontrih

L-agħar xenarju li jitratta lil Adrian Delia huwa li jitla' u jirriżulta li waħda minn dawk il-'jekk, jekk u jekk' li ssemmew diversi drabi minn diversi persuni - inkluż taħt ġurament - u fid-due diligence hija verità.  Naturalment Delia, kif qed jagħmel f'din il-gazzetta jiċħad bil-qawwa li qatt kellu xi chats ta' konsegwenza u jiċħad b'aktar qawwa l-allegazzjonijiet li hu jew Pierre Portelli f'ismu ngħata €50,000 - biex fost oħrajn David Casa ma jkunx elett. 

Minkejja li ċ-ċaħdiet huma konsistenti u wieħed jifhem li Delia mhuwiex daqstant irresponsabbli li se jidħol f'elezzjoni bħal din konxju illi fil-fatt hemm xi veraċità fl-akkużi fir-rigward ta' Yorgen Fenech, jekk jirriżulta li hemm dan tinħoloq kriżi bla preċedent fil-PN. 

Rebħa għal Grech din il-ġimgħa taf tirriżulta f'inbid qares għalih, jekk il-Prim Ministru jagħmel kalkolu politiku u jsejjaħ elezzjoni kmieni

Il-Partit Nazzjonalista li jkun għadu kif għadda minn proċess - agonjuż - ta' elezzjoni interna (u jekk elett Delia) f'daqqa waħda l-pożizzjoni tal-Kap tiegħu terġa ssir "mhux tenibbli".  "Mhux tenibbli" speċjalment għaliex jekk jirriżulta veru - u vera għalissa huwa biss "jekk" - dan ikun ifisser illi l-pożizzjoni tal-Kap tkun intrebħet fuq gidba. 

Dan ikun diżastru elettorali ta' proporzjonijiet kbar li jagħti lill-Partit Laburista, rebħa akbar milli qed ikun previst u pproġettat li jkollu jekk it-tiġrija tkun bejn Robert Abela u Adrian Delia.

More in Politika