Dehra ġdida lill-mixja storika u kulturali - b'21 sit ta' interess - f'Birżebbuġa

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli llum inawgurat din id-dehra ġdida filwaqt li ppreżentat għotja finanzjarja lill-Għaqda Storja u Kultura ta’ Birżebbuġa

Il-lokalità ta' Birżebbuġa, fin-nofsinhar tal-pajjiż
Il-lokalità ta' Birżebbuġa, fin-nofsinhar tal-pajjiż

l-‘Mixja Turistika f’Birżebbuġa’, li tikkonsisti f’21 post ta’ interess storiku u kulturali f’dan ir-raħal fin-naħa t’isfel tal-pajjiż, ingħatat dehra ġdida biex tkun tirrifletti aċċessibbiltà aħjar peress li tabelli ta’ informazzjoni dwar dawn is-siti kienet ġratilhom ħafna ħsara kawża tal-elementi naturali. Id-dehra ġdida kienet possibbli wara investiment min-naħa tal-Fondazzjoni għal Żvilupp taż-Żoni Turistiċi (FTZD) li tifforma parti mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Il-Ministru Julia Farrgia u l-President tal-Għaqda Storja u Kultura ta' Birżebbuġa Emmanuel Francalanza
Il-Ministru Julia Farrgia u l-President tal-Għaqda Storja u Kultura ta' Birżebbuġa Emmanuel Francalanza

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli llum inawgurat din id-dehra ġdida filwaqt li ppreżentat għotja finanzjarja lill-Għaqda Storja u Kultura ta’ Birżebbuġa biex jintużaw għal proġett ieħor fil-lokalità.

“X’aktarx li mhux ftit huma dawk il-Maltin li mhumiex konxji mill-wirt storiku u kulturali f’Birżebbuġa għajr għal Għar Dalam. Ħarsa lejn il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni maħruġa mill-Għaqda Storja u Kultura ta’ din il-lokalità dwar il-postijiet ta’ interess minn kull epoka tal-istorja ta’ pajjiżna turi tajjeb dak li għandha x’toffri din il-lokalità. Mixja mifruxa fuq medda ta’ madwar 10 kilometri u medda oħra ta’ aktar minn 7,000 sena ta’ storja. U għalhekk ta’ min ifaħħar l-inizjattiva konġunta li kienu ħadu l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa flimkien mal-Għaqda Storja u Kultura biex wirt bħal dan jingħata l-għarfien li jixraqlu u jattira lejh mhux biss Maltin u Għawdxin imma wkoll barranin. Huwa b’sodisfazzjon li bħala Ministeru għat-Turiżmu ngħinu kemm nistgħu inizjattivi bħal dawn, tant li dan mhux l-uniku proġett ta’ riġenerazzjoni min-naħa tal-Ministeru għat-Turiżmu għal din il-lokalità biex inkomplu noħorġu s-sabiħ li din toffri,” qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Aaron Zahra, Chairman tal-FTZD, iddeskriva dan il-proġett bħala wieħed li jagħmel differenza għax apparti li juri l-istorja tal-lokalità u jiffaċilita l-aċċess għaliha. Żied jgħid li dan ma kienx l-uniku xogħol li sar mill-FFZD f’Birżebbuġa, kif tixhed fost oħrajn il-ħidma li saret fuq il-promenade u fil-bajjiet.

Saru kelmtejn ukoll mill-President tal-Għaqda Storja u Kultura, Emmanuel Francalanza, li tratta fil-qosor it-twaqqif tal-għaqda fl-1993 u ħidmietha tul is-snin li ilha mwaqqfa. Irrefera wkoll għal proġett ieħor li għandha f’moħħha l-għaqda li jikkonsisti minn kxif u tindif ta’ xelter tal-gwerra li jinsab fiċ-ċentru tal-lokalità u li għalih konvint li se jsib l-għajnuna kemm tal-Ministeru għat-Turiżmu kif ukoll tal-Kunsill Lokali.

Min-naħa tiegħu l-Viċi-Sindku tal-Kunsill Lokali Scott Camilleri qal li l-kunsill jinsab sodisfatt ħafna li kien ta’ għajnuna biex seta’ seħħ dan il-proġett li ċertament se jkompli jgħin biex titneħħa l-impressjoni li Birżebbuġa hija biss lokalità industrijali meta fil-verità Birżebbuġa għandha ħafna x’toffri għal dak li jirrigwarda storja ta’ pajjiż.

Il-proġett ‘Mixja Turistika f’Birżebbuġa’ tnieda oriġinarjament fl-2015 bl-iskop li jwessa’ l-għarfien storiku tal-lokalità kemm mar-residenti tal-lokalità stess, kif ukoll fuq bażi nazzjonali u turistika.

 

Id-dehra l-ġdida lil din l-inizjattiva tinkludi 23 tabella ta’ informazzjoni fuq 21 sit li jibdew mill-aktar post magħruf għall-istorja tiegħu, Għar Dalam, u minn hemm tkompli l-istedina biex il-viżitatur jesplora postijiet oħrajn ta’ interess fil-lokalità bħalma huma knejjes li jvarjaw minn dawk privati għal dik parrokkjali, kif ukoll fortifikazzjonijiet li jmorru lura għal Żmien il-Bronż, kif rifless f’Borġ in-Nadur għal dawk ta’ Żmien l-Ordni ta’ San Ġwann fosthom il-Batterija Ferretti u ta’ żmien l-Ingliżi f’Malta bħalma hija l-Fortizza ta’ Bengħajsa. Interessanti wkoll is-salini tal-melħ u l-fosos għall-ħażniet tal-qamħ. Il-mixja tintemm fir-residenza li kienet sservi ta’ villeġġjatura għal Mons. Pietru Pawl Saydon li kien mill-parroċċa taż-Żurrieq. F’din id-dar Mons Saydon wettaq ix-xogħol ta’ traduzzjoni tal-Kotba Mqaddsa mill-ilsna oriġinali Grieg u Ebrajk għall-Malti.

More in Politika