Azzopardi jistaqsi jekk il-Gvern hux se jikkanċella l-kuntratt 'mdemmi' u 'korrott' mal-ElectroGas

Jason Azzopardi b'Mistoqsija Parlamentari li fiha jistaqsi jekk Siemens offrewx jew ġietx mitluba tiltaqa' mal-pulizija biex tforni informazzjoni dwar korruzzjoni fil-kuntratt tal-Electrogas

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fassal numru ta' mistoqsijiet Parlamentari lill-Gvern dwar il-fatt li delegazzjoni ta' Siemens se tkun qed tiġi pajjiżna.  Azzopordi staqsa lill-Gvern jekk huwiex se jikkanċella il-kuntratt li hu sejjaħlu "mdemmi"  u "korrott" tal-Power Station, wara l-arrest ta' Keith Schembri u s-sena l-oħra ta' Yorgen Fenech, li kien ukoll direttur tal-Electrogas. 

Ilbieraħ il-Grupp Gasan qal illi qed jara x'inhuma l-għażliet kollha tiegħu biex jirtira s-sehem tiegħu mill-Electrogas, filwaqt li dalgħodu rriżulta li issa ġejja Malta wkoll delegazzjoni minn Siemens li għandha 33.3% sehem fil-proġett tal-Power Station.

Ilbieraħ ukoll il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed illi jekk hu jkun elett Kap Nazzjonalista - flimkien ma' tim legali - jaħdem biex il-pajjiż jinħall minn mal-kuntratt ma' ElectroGas.

 Id-Deputat Jason Azzopardi fil-Mistoqsija Parlamentari, staqsa hekk:  'Peress li delegazzjoni għolja minn Siemens tasal Malta fil-weekend li ġej u saħansitra s-CEO ta' Siemens Italia jasal it-Tnejn għal jumejn, jistgħux jgħidu a) Ma' liema uffiċjali tal-Gvern jew entitajiet tal-Gvern talbu li jiltaqgħu b) Meta saret it-talba għal tali laqgħat, u minn min intalbet c) X'inhu l-iskop eżatt ta' dawn il-laqgħat d) Veru li dawn il-laqgħat huma marbuta mad-dikjarazzjoni u biki reċenti (taparsi spontanju) ta' Gasan dwar l-Electrogas e) Jekk il-Gvern iridx jikkanċella l-kuntratt korrott u imdemmi tal-Electrogas f) Jekk ċertu uffiċjali tas-Siemens humiex taħt investigazzjoni kriminali g) Jekk it-tmexxija tas-Siemens offrietx jew ġiet mitluba tiltaqa' mal-Pulizija biex tforni informazzjoni dwar il-korruzzjoni fil-kuntratt tal-Electrogas.'

"Il-poplu ghandu dritt ikun jaf." temm jgħid Azzopardi. 

More in Politika