Wara l-arrest ta' Cini u Tonna tiġi sospiża l-liċenzja ta' Nexia BT biex tbigħ il-passaporti

Nexia BT kienet fetħet il-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi, filwaqt li fetħet fl-istess żmien il-kumpanija Egrant

Brian Tonna
Brian Tonna

Wara l-arrest ta' Brian Tonna u Karl Cini, b'rabta wkoll mal-arrest ta' Keith Schembri fl-aħħar sigħat, il-Malta Individual Investor Programme, li tamministra l-iskema tal-bejgħ taċ-ċiittadinanza b'investiment, issospendiet il-liċenzja ta' Nexia BT. 

Nexia BT, kumpanija f'San Ġwann, kienet fetħet il-kumpaniji fil-Panama: Hearnville, Tillgate u Egrant fl-2013, xhur biss wara li rebaħ l-elezzjoni Joseph Muscat u allura Keith Schembri kien appuntat Chief of Staff f'Kastilja.  Hearnville kienet ta' Keith Schembri u Tillgate ta' Konrad Mizzi. 

Nexia BT li jingħad mill-midja tal-PN li għal xi żmien kienet saħansitra qed topera minn Kastilja, kellha emails żvelati illi kienu juru li dawn il-kumpaniji kienu se jdaħħlu $2 miljun fl-ewwel sena biss minn proġetti ta' skart u turiżmu minn pajjiżi fl-Afrika, mill-Bangladesh u l-Indja, fost oħrajn. 

Dawn iż-żewġ kumpaniji kienu mbagħad marbutin ma' 17 Black, kumpanija fid-Dubaj proprjetà ta' Yorgen Fenech - li hija target client tagħhom u li kellha tgħaddilhom il-flus.  Kien żvelat - minn konsorzju ta' ġurnalisti, msejħa Daphne Project - li 17 Black daħlu fiha $1.6 miljun, il-maġġoranza tagħhom minn persuna li taħdem bħala membru tas-sigurtà f'sit ta' kostruzzjoni.  L-Ażerbajġan huwa l-pajjiż minn fejn Malta intrabtet li tixtri l-gass għal 18-il sena filwaqt li l-kumpanija Socar għandha wkoll persentaġġ mill-Power Station il-ġdida. 

Brian Tonna sostna illi Egrant Inc kienet shelf company u kienet f'ismu.

More in Politika