L-MUT tgħid li d-diskussjonijiet mal-Gvern fallew; Tlaqqa' l-kunsill tagħha b'urġenza

Dan ftit jiem biss wara li l-iskejjel suppost se jiftħu l-bibien tagħhom għal sena skolastika ġdida

Il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT saħqet li d-diskussjonijiet bejnha u bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni "fallew" u għalhekk saħqet li se tkun qed tlaqqa' l-kunsill tagħha b'urġenza aktar tard illum.

Dan ftit jiem biss wara li l-iskejjel suppost se jiftħu l-bibien tagħhom għal sena skolastika ġdida. Iż-żewġ unjins ewlenin diġà saħqu li s-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija f'Malta mhijiex sostenibbli, aktar u aktar għall-ftuħ tal-iskejjel.

Fi stqarrija l-MUT saħqet li l-Ministeru "ripetutement qiegħed jimplimenta miżuri fl-iskejjel li m'humiex dawk li ġew diskussi filwaqt li jinjora jew jara kif ser idur bla ma jwieġeb b'mod effettiv mijiet ta' mistoqsijiet li għadhom m'humiex imwieġba partikolarment dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà."

Il-unjin saħqet li huwa ċar li  l-implimentazzjoni ta' miżuri dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-aspett kurrikulari qed isiru mingħajr kunsiderazzjoni u ħsieb u "dan ifisser li kemm is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji kif ukoll l-aspett kurrikulari qed jiġu kompromessi."

Fost il-miżuri li l-MUT ma taqbilx magħhom imma li qed jiġu implimentati jinkludu t-timetables fis-sekondarja, il-miżuri dwar edukaturi ikkunsidrati ‘high risk’ u s-superviżjoni.

"Għad hemm wisq affarijiet u mistoqsijiet pendenti mhux imwieġba mill-Ministeru. Dan qiegħed iwassal sabiex il-Ministeru ħoloq inċertezza kbira fis-settur li iżjed ma jgħaddi ż-żmien qiegħed ikompli juri b’mod ċar li l-preparazzjonijiet bdew tard ħafna u issa jinstabu fi stat ta’ paniku assolut," temmet tgħid l-MUT.

Il-laqgħa mistennija ssir aktar tard illum.

Aqra wkoll:

 

More in Politika