Jason Azzopardi jisħaq li dak li ġara fl-aħħar sigħat huwa mertu ta' Simon Busuttil u l-PN

Jinsisti li mhu se jħalli lil ħadd 'jirkeb dan il-karru' u li mhux se jinsa 'elementi korrotti fiż-żewġ partiti' li pprovaw jiskreditaw lilu u lil sħabu

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li kien fuq quddiem nett fl-aħħar snin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kiteb fuq Facebook jisħaq li filwaqt li jinsab sodisfatt li Daphne Caruana Galizia qed tingħata raġun, fl-istess waqt huwa rrabbjat għax l-arrest ta’ Keith Schembri wasal erba’ snin tard.

“Kemm ħsara lill-pajjiżna kienet tkun evitata li kieku dak li qed iseħħ f’dawn il-jiem sar fl-2016 u fl-2017. Fuq kollox, ma kinitx tixxettel l-impunità li qatlet lil Daphne,” kiteb Azzopardi.

Insista fuq kollox li dak li qed jiġri bħalissa huwa mertu kollu kemm hu ta’ Simon Busuttil għax dan li qed jiġri bħalissa huwa frott il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali li kien talab l-eks Kap Nazzjonalista. 

“Dan li qed jiġri huwa bis-saħħa tal-pass li huwa ħa u li jien kelli l-unur nassistih, f’April u Mejju 2017. Kemm għajruna, insulentawna, heddewna u iżolawna. Riedu jiskreditawna, elementi korrotti fiż-żewġ partiti u lil hinn, biex mingħalihom jaqtgħu qalb Simon u lili u lil David Casa, lill-familja Caruana Galizia, lil Deputati oħrajn ... lis-soċjetà ċivili li qatt ma waqfet tgħajjat għall-ġustizzja u l-verità,” kompla Azzopardi.

Insista li mhu se jinsa qatt l-attakki bejn dawk li sejħilhom “elementi korrotti u mibjugħa fiż-żewġ partiti.” 

“Għadni niftakar qisu lbieraħ. Lejl u ġurnata Simon, jien, Karol Aquilina u grupp zgħir li ltqajna, bl-appoġġ taż-żewg Viċi Kapijiet u s-Segretarju Ġenerali tal-PN, biex niġbru u niflu l-informazzjoni kollha u biex jien ktibt ir-rikors għall-ftuħ ta' Inkjesta Magisterjali li kienet imbagħad intlaqgħet,” insista Azzopardi.  “Xogħol il-Pulizija kien għamlu Simon Busuttil u l-PN f'April u Mejju 2017.”

Azzopardi kompla jitfa botti puliti u saħaq li se jkun hemm min “jipprova jirkeb il-karri.”

“Lanqas jekk naf li tkun l-aħħar ħaġa li nagħmel f’ħajti, naħlef li ma jien se nħalli lil ħadd, lil ħadd, hu min hu u huma kemm huma, jipprova jnessi t-tbatija u s-solitudni u d-daqqiet ta’ sikkina li Simon, jien u sħabi għaddejna flimkien sempliċiment għax ridna niġġieldu l-korruzzjoni u l-iktar Gvern korrott li qatt kellna,” kompla jisħaq.

Temm jisħaq li fadal ħafna. “Lil min daħak bija meta fi Frar li għadda wissejt x’kien ġej f’dan is-sajf ngħidlu: għadek ma rajt xejn!”

Hekk kif f'dawn is-sighat qed isehhu zviluppi importanti fl-investigazzjoni tad-delitti ta' tixhim u hasil ta' flus...

Posted by Jason Azzopardi on Tuesday, 22 September 2020

More in Politika