Aġġornata | Keith Schembri jinħeles mill-arrest u jinżamm taħt Police Bail

Ilbieraħ il-Qorti ffriżat l-assi ta' Schembri, martu u ta' Brian Tonna ...

Keith Schembri ħiereġ mid-Depot (Ritratt meħud mill-filmat tal-PBS)
Keith Schembri ħiereġ mid-Depot (Ritratt meħud mill-filmat tal-PBS)

L-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri ingħata l-ħelsien mill-arrest iżda tpoġġa taħt Police Bail wara kważi ġurnata ta' interrogazzjonijiet fid-Depot tal-Pulizija. Dan sigħat wara li l-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi tiegħu, ta' martu u ta' Brian Tonna il-Managing Partner ta' Nexia BT - l-ażjenda li fetħet il-kumpaniji fil-Panama ta' Schembri (Tillgate Inc.), tal-eks Ministru Konrad Mizzi (Hearnville Inc.) kif ukoll Egrant Inc., li Tonna jgħid li kienet tiegħu.

Keith Schembri deher ħiereġ mid-Depot, akkumpanjat mill-Avukati tiegħu, ftit wara d-9pm. Dak il-ħin ma kienx hemm ġurnalisti ħlief wieħed tal-PBS li staqsa lil Schembri dwar xiex kien mistoqsi. Schembri baqa' sieket sakemm daħal fil-karozza u telaq.

Schembri - li qed ikun implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia minn Yorgen Fenech - kien akkużat mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil illi ixxaħħam meta ħa flus mil-għoti taċ-ċittadinanza b'investiment. L-akkuża kienet illi Schembri kien ħa b'kollox €100,000 mill-bejgħ tal-passaporti. 

Schembri implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ... ħallas €80,000 biex tinqatel kien qal Yorgen Fenech

Schembri, li kien persuna ċentrali u kruċjali fil-Gvern ta' Joseph Muscat ssemma' diversi drabi fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ kontra Yorgen Fenech, bit-Tabib Adrian Vella jixhed illi darba kien mar għand Schembri fid-dar tiegħu, l-Mellieħa, u hemmhekk dan kien għaddielu numru ta' karti li kienu rashom 'l isfel.  Hu kien ħadhom - mingħajr ma qatt ħares lejhom, qal - għand Fenech fl-appartament ta' Portomaso.  Tajjeb wieħed ifakkar, għalkemm mhux ċar jekk dawn il-fatti humiex relatati, illi l-membri tal-Kabinett kienu rċevew ittra li kienet titfa' l-ħtija tal-assassinju ta' Carauna Galizia fuq l-eks Ministru Chris Cardona.

Iktar sinjifikattiva kienet ix-xhieda tal-Ispettur Keith Zahra li qal fil-Qorti kif interrogat mill-Pulizija Yorgen Fenech kien qal li Schembri kien il-moħħ wara dan l-assassinju u li kien qed jgħaġġlu biex dan isir.  Ta' min ifakkar illi l-pjanijiet għall-qtil ta' Caruana Galizia kienu twaqqfu, kien xehed Melvin Theuma, meta kienet se titħabbar l-elezzjoni u Fenech ordna lil Theuma biex dawn il-pjanijiet ikomplu ladarba fl-2017 rebaħ il-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat. 

Fenech kien qal lill-Pulizija illi Schembri kien ħallas sa €80,000 biex isir dan il-qtil.

Il-kumpaniji fil-Panama u 17 Black

L-inkwiet, allegazzjonijiet u akkużi fil-konfront ta' Schembri kienu jiċċentraw ħafna madwar il-kumpanija tiegħu fil-Panama u r-rabta li din kellha ma' 17 Black, kumpanija fid-Dubaj ta' Yorgen Fenech. 

Kien id-Daphne Project - konsorzju ta' ġurnalisti - li żvela emails minn Nexia BT li kienu juru kif 17 Black kienet target client tal-kumpanija fil-Panama ta' Schembri u Mizzi.  Żvelaw ukoll kif f'17 Black għaddew $1.6 miljun, li minnhom $1.4 miljun kienu ġejjin mill-Ażerbajġan - pagament suspettuż mitfugħ fuq isem persuna li taħdem bħala security:  Rufat Baratzada.  L-Ażerbajġan huwa l-pajjiż minn fejn il-Gvern Malti daħal f'kuntratt biex jixtri l-gass għal 18-il sena, huwa l-pajjiż tas-Socar Trading, li għandha 33.3% sehem fil-Power Station il-ġdida li kellu sehem fiha wkoll Yorgen Fenech permezz ta' Tumas Group u huwa l-pajjiż tal-familja tad-Ditattur Ilham Aliyev illi fetħet kontijiet fil-Bank Pilatus. 

Imbagħad l-istess informazzjoni kienet turi kif $200,000 allegatament daħlu f'17 Black mill-Aġent Malti tat-Tanker tal-LNG sorġut f'Delimara.  

Keith Schembri, flimkien mal-eks PM Joseph Muscat kellhom Whatssapp chat ma' Yorgen Fenech, li saħqansitra kien mistieden għall-festin ta' għeluq żmien l-eks PM fil-Girgenti. 

More in Politika