L-għaqda, il-lealtà, kliem fl-arja u assurditajiet: Il-kampanja għal Kap Nazzjonalista ġdid

Din il-ġimgħa se tibda l-votazzjoni kmieni fil-Partit Nazzjonalista.  L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-kampanja sa issa, mis-saħħa ta' kull kandidat għal kampanja nieqsa mill-entużjażmu u dak li dwaru se jiddeċiedu t-tesserati ...

Issa bdiet uffiċjalment il-kampanja elettorali ta' ġimagħtejn fil-Partit Nazzjonalista li finalment għandha tiddeċiedi min se jkun il-Kap Nazzjonalista (suppost) li se jwassal lill-PN għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.  Elezzjoni interna li ser issir nhar it-3 ta' Ottubru li ġej. 

Dan ifisser li għad fadal biss l-aħħar ħarġa tal-gazzetta ILLUM qabel jum l-elezzjoni f'dan il-partit.  

Għalhekk issa wieħed jista' jibda jislet l-ewwel analiżi tal-kampanja fi ħdan il-PN, bl-ewwel tiri ġimgħat ilu juru ċar fejn se tmur din il-kampanja, kif se tkun miġġielda, liema huma l-punti b'saħħithom taż-żewġ kandidati u allura x'jista' jkun ir-riżultat ta' din l-għażla fost eluf ta' Nazzjonalisti tesserati. 

L-għaqda s-saħħa ta' Bernard ... il-lealtà s-saħħa ta' Adrian

Sa issa u minn dak li stajna nevalwaw hija ovvja li Bernard Grech se jkun qed jiġġieled fuq żewġ dgħjufijiet li għandu l-Partit Nazzjonalista, l-akbar fil-fatt:  L-Għaqda u t-Telf elettorali tul snin. 

Matul dawn il-ġimgħat din il-gazzetta kellha diversi okkażjonijiet illi fihom setgħet tevalwa aħjar dawn iż-żewġ punti u għalfejn huma neċerssarji u kruċjali jekk il-PN ma jridx jaqla' daqqa li minnha jaf ma jirkupra qatt. 

Jidher li Grech għaraf dan u qed jagħfas fuq il-bżonn tal-għaqda, tant li fl-ewwel indirizz tiegħu fil-kampanja diversi drabi tkellem dwar "l-għaqda".  Dan il-kandidat għandu l-lussu li qatt  ma kien marbut ma' xi fazzjoni u li qatt ma ppronunzja lilu nnifsu kontra jew favur dawk ta' kontra Delia jew inkella dawk favurih, lanqas meta Delia kien taħt il-pressjoni ta' kritika ma taqta' xejn fuq diversi kontroversji jew stejjer.  Grech qatt ma vvota favur jew kontra l-Kap kurrenti, għax qatt  ma kellu din l-opportunità. Dan il-fatt poġġieh fuq quddiem kull kandidat prospettiv ieħor jew oħra li kienu qed jissemmew jew li wrew l-interess tagħhom għall-kariga.  Persuni bħal Therese Comodini Cachia, Mark Anthony Sammut u anke Roberta Mestsola, kellhom mill-ewwel sfida kbira kontrihom, jiġifieri li kienu parti attiva b'ħidmiethom, bil-vot tagħhom u xi minn daqqiet minn kliemhom fit-tneħħija ta' Delia. 

'Delia għandu raġun meta jgħid li t-telf elettorali ta' 10 snin mhuwiex it-tort tiegħu, imma huwa fatt numeriku rifless f'żewġ elezzjonijiet fl-2019 ... u mis-sondaġġi tal-aħħar sena u nofs li s-sitwazzjoni elettorali tal-PN iggravat mhux tjiebet taħtu'

Minkejja li jidher illi hemm entużjażmu għall-kandidatura ta' Grech, dan ma jfissrix li kull min qed jappoġġja lil Grech jaqbel mal-mod kif Delia ma tħallhiex jaħdem. 

L-akbar ostaklu ta' Grech huwa li hemm perċezzjoni, naturalment imbuttata minn dawk li jappoġġjaw lil Delia, b'xi ftit tal-għajnuna mill-midja tal-Partit Laburista, illi warajh u jikkontrollawh hemm dawk kollha li jiġu msejħa - minn dak li jappoġġjaw lil Delia u mill-Partit Laburista - l-establishment.  Dawn huma perċeputi minn bosta illi kienu l-aġenti tal-firda mhux tal-għaqda u allura jekk biżżejjed tesserati jibdew jemmnu illi Grech huwa "pupu" f'idejn nies bħal Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u aktar, l-għajta tiegħu favur l-għaqda tiddgħajjef. 

Naturalment sondaġġi li ilhom isiru mis-sena l-oħra juru żewġ affarijiet.  L-ewwel li Bernard Grech inaqqas id-distakk bejnu u Robert Abela, li huwa enormi meta Abela huwa mqabbel ma' Delia.  It-tieni, li kważi tliet kwarti ta' dawk li vvotaw lill-PN jafdaw aktar lil Grech milli lil Delia. 

Tajjeb wieħed jinnota iżda li hemm diversi fatturi li wieħed irid iqis meta jikkunsidra dawn in-numri għal Grech: 1) Dawn is-sondaġġi kollha ħarġu qabel l-istorja dwar il-pendenzi fit-Taxxa u VAT ta' Grech, 2) Qed isiru fi żmien fejn il-Gvern Laburista qed jiġi taħt kritika kbira minħabba l-Covid-19 u dak li ħiereġ mill-Qorti, filwaqt li qed imexxi ekonomija li ddgħajfet minħabba l-istess pandemija u finalment, 3) huma n-numri qabel bdiet il-kampanja uffiċjali. 

Naturalment l-akbar test ta' Grech dwar l-għaqda se jkun wara l-elezzjoni, jekk jirbaħ.

'Mhux sew għamlulu lil Delia' 

Adrian Delia, minn naħa l-oħra, qed jibbaża ħafna mill-kampanja tiegħu fuq dak li sar fil-partit, biex wasal għal din l-elezzjoni u b'hekk jirbaħ is-simpatija tat-tesserati li forsi wħud minnhom iħossu illi dan kollu kien tradiment u li allura Delia għandu l-jedd li jibqa' Kap Nazzjonalista sakemm tgħaddi l-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

Huwa, bħal ma' għamel Muscat fl-2017, qed jappella biex "ma niqfux nofs triq", u biex "ma nġarrfux tliet snin ta' ħidma" u fil-fatt qed iwiegħed, kif għamel din il-ġimgħa li se jkompli l-pjan illi kien qed jaħdem fuqu. 

Minkejja li s-simpatija hija emozzjoni b'saħħitha, kif inhi r-rabja - dawn mhumiex biżżejjed biex il-partit jinqala' mill-qiegħ elettorali li jinsab fih u li ilu fih għal dawn l-aħħar 10 snin.  Delia għandu raġun meta jgħid li t-telf elettorali mhuwiex kollu it-tort tiegħu, imma huwa fatt numeriku rifless f'żewġ elezzjonijiet fl-2019 (Parlament Ewropew u anke Kunsilli Lokali), kif ukoll rifless mis-sondaġġi tal-aħħar sena/sena u nofs li s-sitwazzjoni elettorali tal-PN iggravat mhux tjiebet taħtu.  Riċentement iggravat sal-punt li l-fiduċja li qed jirreġistra l-Kap Nazzjonalista huwa (u ilu hekk iktar minn sena) inqas minn 20%.

Is-simpatija għas-sitwazzjoni li fiha jinsab Delia mhix se trebbaħ lill-PN jew iċaqalqu. 

Delia qed jagħfas ħafna fuq il-bżonn ta' "lealtà".  Huwa naturali li Delia jappella għal-lealtà ladarba it-tliet snin ta' tmexxija tiegħu kienu kkaraterizzati minn partit li deher illi kontinwament jinsab maqbud fi gwerra ta' skieken fid-dahar. 

Il-mistoqsija kardinali hawnhekk hija din:  Adrian Delia jista' jerġa jikseb il-lealtà mhux biss tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari, il-maġġoranza tal-Eżekuttiv u l-maġġoranza tal-Kunsill Ġenerali,  imma wkoll ta' settur konsiderevoli u kruċjali ta' votanti li ma jridux jafu bih? Jew le? 

Jekk ir-risposta tat-tesserati se tkun fin-negattiv, anke jekk it-tesserati jistgħu jħossu li dak li ġara lil Delia ma kienx aċċettabbli, se jkun diffiċli li l-karta tal-lealtà tkun waħda rebbieħa. 

Kampanja fqira, proposti vagi u kliem fl-arja

Sa issa l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista kienet nieqsa mill-immaġinazzjoni u mill-fervur li tant meħtieġ fil-PN bħalissa u donnu illi l-kampanja baqgħet xi ftit jew wisq tirrepeti l-istess argumenti ad nauseam u xi ftit jew wisq ukoll maqtugħha mill-kwistjonijiet li jagħmlu differenza lin-nies. 

Il-proposti kemm ta' Delia kif ukoll ta' Grech baqgħu wisq fl-arja u f'dak li huwa vag.  Adrian Delia - sakemm kienet qed tinkiteb din l-analiżi lanqas biss kien għadu għamel stqarrija ċara u inekwivoka li jekk jitla' hu Kap nies bħal Jason Azzopardi jitkeċċew mill-partit.  Ħafna kliem li jista' jfisser hekk mhuwiex biżżejjed, huwa tidwir mal-lewża li jagħti l-impressjoni li Delia ma jridx jew ma jistax ikeċċi lil persuni  bħal Jason Azzopardi.

L-istqarrija tal-Kap kurrenti "inkomplu fejn ħallejna" ukoll hija vaga.  Fejn ħalla l-partit f'termini ta' telf kbir ta' appoġġ?  Fejn ħalla l-partit f'termini ta' djun?  Fejn ħalla l-partit, f'termini ta' ġlied intern? Delia jeħtieġ jispeċifika aktar x'irid u fejn se jasal meta jgħid li se joffri l-kontrinwità. 

Il-Partit Laburista, Joseph Muscat u warajh Robert Abela, setgħu jwiegħdu l-kontinwità għaliex kien hemm suċċessi elettorali enormi, track record u partit perċeput li huwa magħqud u ponn wieħed.  Il-kontinwità ta' Delia x'inhi?  Sentejn oħra bħall-aħħar tlieta?

Minn naħa l-oħra Bernard Grech - minkejja l-kapaċità fil-komunikattiva xorta ftit nafu dwar x'pożizzjoni jieħu fuq diversi kwistjonijiet kieku jkun Kap tal-Oppożizzjoni.  Lilhinn mill-kliem sabiħ u dommatiku, x'inhuma l-ideat tiegħu dwar il-kirjiet, l-immigrazzjoni, il-prezzijiet u l-ekonomija?  Fuq l-Att dwar l-ugwaljanza, il-Knisja ...? 

Il-programm ta' ħidma li ħareġ din il-ġimgħa iktar jista' jissejjaħ dokument mimli xewqat li jitrattaw strettament lil dawk li huma fil-PN.  Wieħed jifhem għaliex, ladarba din hija elezzjoni fost it-tesserati.  Pero wieħed jifhem ukoll allura għalfejn il-ħeġġa fost dawk li mhumiex tesserati u lanqas għeruq tal-partit mhijiex kbira. 

Lilhinn mill-kliem sabiħ u dommatiku, x'inhuma l-ideat tiegħu (Grech) dwar il-kirjiet, l-immigrazzjoni, il-prezzijiet u l-ekonomija? Fuq l-Att dwar l-ugwaljanza, il-Knisja ...?

L-unika punt li fuqu xi ħadd minn dawn deher illi qed jieħu pożizzjoni aktar b'saħħitha, fuq xi ħaġa li qed tagħmel differenza lin-nies, kien Adrian Delia dwar l-immigrazzjoni.  Mill-ġdid iżda, Delia tkellem dwar il-ferita iżda kif se jsolvi dik il-ferita ma qalx, anzi kien wieħed minn 69 avukat li ffirmaw kontra attentat ta' pushback u fl-istess ħin ikkritika lill-Gvern għax żamm madwar 400 immigrant fuq dgħajjes tal-Captain Morgan.  Delia fil-fatt appella biex dawn jiddaħħlu. 

Jiġifieri kif eżatt se jsolvi din il-problema, anke jekk jista' jkun li qed jamplifikaha f'xi punti u għandu raġun f'oħrajn, mhux qed jgħid.  

Il-battibekki dwar programm fuq ir-radju u dik li Delia sejjaħ 'ġurnata sewda' komplew jikxfu l-kampanja bħala waħda fqira, aljenata f'battibekki li għal min ma jinsabx fil-qalba tal-PN jidhru infantili, pwerili u assurdi!

Min se jirbaħ?

Naturalment bħal kull elezzjoni xejn mhu ċert u daqs kemm għandu ċans jirbaħ Grech, għandu Delia. 

Fin-nuqqas ta' diskussjoni dwar kwistjonijiet li qed ibiddlu ħajjet in-nies jidher li t-tesserati se jiddeċiedu hux wieħed jew l-ieħor fuq premessa waħda:  Min jista' jrebbaħ lill-PN il-voti biex jitnaqqas id-distakk bejn il-PN u l-PL?  Adrian Delia jew Bernard Grech?

More in Politika