‘Jekk ikun hemm każ fi skola ma jfissirx li s-sistema falliet ... irridu nieħdu l-miżuri b’mod immedjat’

Il-unjins li jirrappreżentaw lill-għalliema u l-edukaturi qed jisħqu li qabel tinfetaħ l-iskola għandha tkun ikkontrollata l-imxija tal-virus. Diversi ġenituri għad għandhom ħafna mistoqsijiet dwar l-operat tal-iskejjel fejn jibagħtu lil uliedhom. Oħrajn saħansitra ma jridux jibagħtu lill-uliedhom l-iskola. Il-gazzetta ILLUM tpoġġi dawn il-mistoqsijiet kollha quddiem il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici...

“Mhux se ngħid li mhux se jkollna każijiet.  Biss, jekk ikun hemm każijiet ma jfissirx li s-sistema falliet.  Ifisser li rridu nkunu ppreparati u nieħdu l-miżuri kollha li għandna nieħdu b'mod immedjat.” Hekk saħaq mal-ILLUM il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici meta l-gazzetta poġġiet quddiemu l-mistoqsijiet li għamlu magħha diversi ġenituri hekk kif uliedhom dalwaqt jerġgħu jirritornaw wara l-bankijiet tal-iskola, anke jekk din id-darba b’differenza.

Il-Ministru Bonnici insista li għall-kuntrarju ta’ Marzu li għadda, meta l-iskejjel kellhom jingħalqu, illum l-Ewropa kollha, inkluż Malta fehmet x’inhu dan il-virus u għalhekk, anke jekk l-imxija hija aktar b’saħħitha, jekk wieħed jieħu l-miżuri meħtieġa, il-ħajja tkun tista’ tkompli.

“Ix-xeni ta' paniku li konna qed naraw f'Marzu u April spiċċaw. Il-miżuri, bħall-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali, ippermettew li l-ħajja tibda tkompi ftit ftit u rajna avvenimenti maġġuri jissoktaw taħt ċerti kontrolli. Rajna wkoll l-iskejjel fl-Ewropa jinfetħu,” kompla l-Ministru Bonnici.

Mistoqsi x’jiġri jekk il-każi jibqgħu telgħin u s-sitwazzjoni ma tibqax waħda sostenibbli, il-Ministru saħaq li jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jagħtu l-parir biex l-iskejjel jingħalqu, il-Ministeru se jagħlaq l-iskejjel u jmorru għal sistema ta’ tagħlim online li huma mħejjija għaliha diġà.

Aqra hawn taħt it-tweġibiet kollha tal-Ministru Owen Bonnici:

Fl-aħħar jiem rajna n-numri tal-Covid-19 jerġgħu jitilgħu. Kellna rekord ta’ każi ġodda li f’24 siegħa qabżu l-100. X’qed ikunu l-pariri tal-esperti? Jekk jibqgħu jiżdiedu, jew jibqgħu jiżdiedu bl-istess rata, tibqa’ tal-fehma li l-iskejjel għandhom jinfetħu?

L-ewwel u qabel kollox grazzi ħafna ta' din l-opportunità.  Nemmen li l-midja għandha rwol importanti ħafna x'tilgħab biex l-informazzjoni tinfirex kemm jista' jkun.

Meta aħna ġejna biex niddeċiedu niftħux l-iskejjel jew le, smajna x'qalu l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li kienu ċari dwar il-bżonn li t-tfal imorru lura fl-iskola u li l-edukazzjoni tkompli. Tkellimna mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u tfassal parir u linji gwida li ġew ippubblikati fil-bidu ta' Settembru f'konferenza stampa li saret apposta, fejn ġie spjegat b'mod ċar u dirett għaliex l-iskejjel se jiftħu u x'jista' jsir biex l-edukazzjoni tkompli.  

L-edukazzjoni għandha tkompli billi jittieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex nimminimizzaw ir-riskji.

F’Marzu l-każi kienu ħafna inqas minn dawk li għandna bħalissa. Għaliex dak iż-żmien għalaqna l-iskejjel u issa se niftħuhom beraħ? X’hemm differenti llum minn dak iż-żmien? 

Id-differenza kienet li l-virus f'Marzu li għadda ġie fuqna u dwaru kważi ma konna nafu xejn. Konna qed naraw fuq it-televiżjoni x'kien qed jiġri madwar id-dinja – pajjiżi f'paniku, posponiment ta' attivitajiet maġġuri u twiebet fit-toroq.  Dan kien fix-xhur ta’ Marzu u April.  

Illum l-Ewropa kollha, inkluż Malta, fehmet x'inhu dan il-virus u fehmet li jekk tieħu l-miżuri meħtieġa, il-ħajja tagħna tkun tista' tkompli u timxi 'l quddiem.  Ix-xeni ta' paniku li konna qed naraw f'Marzu u April spiċċaw. Il-miżuri, bħall-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali, ippermettew li l-ħajja tibda tkompi ftit ftit u rajna avvenimenti maġġuri jissoktaw taħt ċerti kontrolli. Rajna wkoll l-iskejjel fl-Ewropa jinfetħu.

L-iskola tinfetaħ, jasal Novembru u l-każi jisplodu. Il-WHO wkoll wissiet li hemm ċans kbir li bejn Ottubru u Novembru l-Ewropa tesperjenza żieda qawwija fil-każi. Jekk dan iseħħ u ma jkunx aktar sigur li l-istudenti jmorru l-iskola, lesti li terġgħu tagħlqu l-iskejjel?

Aħna nkunu lesti li nimxu skont ma jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa ta' pajjiżna, wara konsultazzjoni magħna.  Jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jgħidulna biex nagħlqu l-iskejjel, aħna nagħlqu l-iskejjel u mmorru għal sistema ta' tagħlim online li ħejjejna għaliha digà.

Diversi huma dawk l-istudenti li għax il-ġenituri tagħhom jaħdmu, wara l-iskola jitwasslu mill-vannijiet għand in-nanniet. Ma taħsibx li dan ukoll se jkompli jżid ir-riskju fost il-persuni vulnerabbli?

Idealment kull student jibqa' d-dar, jirkeb il-vann, imur l-iskola u jibqa' mal-istess grupp biex b'hekk f'ġurnata waħda dan l-istudent ikun tħallat ma' tliet bubbles.  Biss nafu li fid-dinja reali dan hu impossibbli għaliex it-tfal jiltaqgħu man-nanniet, imorru jilagħbu l-futbol, imorru l-bandli u dawn l-affarijiet kollha li huma importanti wkoll.  Allaħares il-ħajja ta' uliedna tkun biss dar – skola – dar mingħajr interazzjonijiet oħrajn għax ma jkunux qed igawdu t-tfulija tagħhom.  

Is-soluzzjoni mhijiex li t-tfal jissakkru fid-djar qishom f'ħabs, imma li kemm jista' jkun wieħed jimmodera u fl-istess waqt jieħu l-miżuri kollha li jnaqqsu r-riskju ta' infezzjoni (ilbies ta' maskri, ħasil tal-idejn, distanzi soċjali etċ).

It-tfal fl-iskola u fuq it-trasport se jkunu qed isegwu s-sistema tal-bubbles bil-għan li jonqos il-kuntatt tagħhom ma’ studenti oħra. Madanakollu, kif qed tgħid, wara l-iskola, it-tfal se jattendu għal attivitajiet u se jiltaqgħu ma’ tfal oħra, fosthom għad-duttrina, taħriġ tal-futboll etċ. X’inhu l-parir tiegħek dwar dan?

It-tfal iridu jgawdu t-tfulija tagħhom u ma naqbilx ma’ min qed jgħid li t-tfal għandhom jissakkru d-dar u ma jarawx id-dawl tax-xemx. Biss hu importanti li jiġu segwiti l-pariri kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa  u nużaw element ta' moderazzjoni.  

It-tfal meta jkunu barra għandhom jieħdu pjaċir imma jridu jirrispettaw id-distanzi soċjali, jilbsu l-maskri u jaħslu jdejhom ta' spiss.

Tagħti l-kelma tiegħek lill-ġenituri kollha li se jkun hemm trasport għall-istudenti kollha, minkejja li huwa ċar li se jkun hemm bżonn aktar vannijiet?

Aħna għandna sistema ta' pick-up points fejn ġenitur japplika għal dak il-pick-up point u jingħatalu t-trasport.  Aħna se nkunu qed nagħmlu dan fil-każijiet kollha.

Hemm xi ġenituri li jixtiequ li filgħodu it-tifel jirkeb f'pick-up point A u filgħaxija jinżel f'pick-up point B.  Hemmhekk qed nipprovaw nikkonvinċuhom li hu fl-aħjar interess ta' binhom stess li jkun hemm pick-up point wieħed.

Ir-riskju hemm qiegħed. Hemm ċans li tiftaħ l-iskola u jkun hemm student/a jew edukatur/a li jirriżultaw pożittiv. F’każ li dan iseħħ, x’se jkunu l-passi li jittieħdu? Se tingħalaq l-iskola kollha? Jew se titpoġġa fi kwarantina dik il-klassi biss?

Jien kont ċar fid-diskors tiegħi.  Mhux se ngħid li mhux se jkollna każijiet.  Biss, jekk ikun hemm każijiet ma jfissirx li s-sistema falliet.  Ifisser li rridu nkunu ppreparati u nieħdu l-miżuri kollha li għandna nieħdu b'mod immedjat kif ħadna meta ftaħna SkolaSajf, imma fuq mudell ferm ikbar.  

Jekk ikun hemm student li jirriżulta pożittiv jiġri kif jiġri kull f'post tax-xogħol ieħor f'Malta u Għawdex, jiġifieri jsir contact tracing u jitpoġġew fi kwarantina dawk biss li għandhom jitpoġġew fi kwarantina, inkluż il-klassi.  Żgur li mhux se tingħalaq l-iskola kollha!

Minkejja l-appelli u l-miżuri, għad hemm ġenituri li qed jisħqu li mhux se jibagħtu lill-uliedhom l-iskola. X’inhu l-feedback li qed tirċievu dwar dan? Inti għidt pubblikament li mhux se jkun hemm multi għal dawn il-ġenituri, iżda l-appell tiegħek għalihom x’se jkun?

Aħna konna ċari li l-ġenituri qed jitħallew fil-libertà jibagħtux it-tfal tagħhom l-iskola jew le.  Tkun xi tkun id-deċiżjoni tagħhom aħna nirrispettawha.  Jien lit-tifla tiegħi ta' 12-il sena, li tmur skola tal-Gvern, se nibagħtha għax nemmen li binti ma tistax titlef xhur jekk mhux snin importanti ta' edukazzjoni li jifformaw il-futur tagħha.

Ħsibtu x’se jiġri, anke fis-snin li ġejjin, minn dawk l-istudenti li l-ġenituri tagħhom se jieħdu d-deċiżjoni li ma jibagħtuhomx l-iskola? Dawn se jirrepetu s-sena?

Aħna ma tantx aħna favur ir-repetizzjonijiet.  Il-pjan hu li dawn ma jirrepetux.  Naturalment, dawn it-tfal se jkunu tilfu ħafna u rridu nibqgħu ngħinuhom kemm nistgħu.

Hemm ukoll skejjel li l-ispazju fihom huma limitat. Aħna nafu bi skejjel li talbu l-għajnuna ta’ binjiet oħra, inkluż kunventi biex ikunu jistgħu jikkomodaw lill-istudenti kollha. Dan il-proċess se jintemm fil-ħin? Jekk ma jkunx hemm biżżejjed spazju fl-iskola għall-istudenti kollha (minħabba d-distanza soċjali), x’se jiġri? 

Aħna rajna li nimmassimizzaw l-ispazji kollha fl-iskejjel biex jiġu akkomodati l-istudenti kollha bid-distanza soċjali kif mitluba.  Intużaw, pereżempju, postijiet bħal swali li allura ġew trasformati fi klassijiet.  Jidher li l-eżerċizzju rnexxa f'kull skola li għandna.  

Naturalment se jkun hemm min se jiġbed l-attenzjoni fuq imperfezzjonijiet u aħna se nkunu miftuħa li fejn ikun hemm imperfezzjonijiet naġixxu dwarhom u nsolvuhom.

More in Politika