Grech jgħid li hija 'stramba' u 'ma tagħmilx sens' li d-Due Dilgence għadu ma ġiex ippubblikat

Il-kandidat għall-Elezzjoni ta' Kap Nazzjonalista Bernard Grech jgħid li bagħat ittra lill-Kunsill Amministrattiv u qed jitlob għall-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport 'għar-raba' darba'

Bernard Grech, dalgħodu fil-Belt Valletta
Bernard Grech, dalgħodu fil-Belt Valletta

Il-kandidat għall-elezzjoni ta' Kap Nazzjonalista sostna li l-fatt li sa issa l-Kunsill Amministrattiv għadu ma ppubblikax ir-rapport tad-due diligence jew inkella għaddih lilu u lil Delia hija xi ħaġa "stramba" u li ma "tinftehimx." 

"Għar-raba' darba tlabt formalment li ningħata kopja tar-Rapport ta' Due Diligence li sar dwari minn panel ta' esperti sabiex inkun nista' nippubblikah minnufih kif wiegħedt," saħaq Grech. 

F'ittra li bgħatt lill-President tal-Ammistrattiv Carm Mifsud Bonnici Grech stqarr illi hija sitwazzjoni hija "stramba u inkomprensibbli. Il-kwistjoni tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport hi waħda essenzjalment politika marbuta mal-valur tat-trasparenza li l-Partit ilu snin jinsisti fuqu."

Grech fakkar li l-ġimgħa d-dieħla tibda l-votazzjoni kmieni "u mhux sew li dan ir-rapport qed jinżamm minnhom (mit-tesserati) u minn kulħadd. Għaldaqstant, għar-raba' darba qed nitlob li dan ir-rapport jiġi ppubblikat – illum."

Intant anke Delia bagħat ittra biex il-Kunsill jippubblika dan ir-rapport li evalwa u analizza is-sitwazzjoni finanzjarja taż-żewġ kandidati, fost oħrajn.

Illejla Adrian Delia ressaq mozzjoni sabiex dan ir-rapport ikun ippubblikat.

More in Politika