Il-Partit Nazzjonalista iniedi kampanja nazzjonali favur l-isport u kontra l-obeżità

Sa issa għall-kampanja #sportforlife attirat 20 assoċjazzjoni sportiva nazzjonali u aktar minn 40 atleta minn dixxiplini differenti

Id-Deputat Robert Cutajar waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet
Id-Deputat Robert Cutajar waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet

“Nemmen bis-sħiħ li l-isport għandu l-ingredjenti kollha sabiex kull wieħed u waħda minna, hi x'inhi l-eta' tagħna, jgħinna ngħixu ħajja aktar b'saħħitha kemm mil-lat fiżiku kif ukoll dak psikoloġiku. Irridu nifhmu u nfehmu lill-faxex kollha tas-soċjeta' Maltija li l-isport għandu jkun inkluż fil-mod ta' stil ta' ħajja li aħna rridu ngħixu. Dan anke billi nsibu bilanċ u  ninkludu xi forma ta' attivita' fiżika jew sportiva fil-ħajja tagħna ta' kuljum.  Dan sostnieh il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar waqt it-tnedija tal-Kampanja Nazzjonali li qed imexxi 'l quddiem il-Partit Nazzjonalista bit-tema #sportforlife - lets beat obesity together.

Cutajar qal li din il-kampanja nazzjonali tikkumplimenta sew mal-kampanja #beactive li se tkun qed tniedi l-Unjoni Ewropea f'dawn il-jiem meta madwar l-Ewropa se tkun qed tiġi organizzata l-ġimgħa Ewropea ddedikata lill-isport. Huwa stqarr li huwa ta' sodisfazzjon għalih u għall-Oppożizzjoni li s'issa f'din il-kampanja #sportforlife aċċettaw li jieħdu sehem aktar minn 20 assoċjazzjoni sportiva nazzjonali. Aktar minn 40 atleta ġejjin minn dixxiplini sportivi differenti flimkien ma' numru ta' personalitajiet oħra taw messaġġi favur il-valuri uniċi li joffri l-isport b'appelli lill-poplu Malti sabiex flimkien nifhmu l-importanza tal-attivita' sportiva biex anke fost il-benefiċċji li joħorġu mill-isport inkunu qed nikkumbattu l-pjaga tal-obeżita' li l-poplu tagħna huwa fost l-aktar popli fid-dinja b'piż żejjed u saħansitra ninsabu fuq quddiemnett bhala l-iktar pajjiż li fi ħdanu għandu persuni obeżi f'faxex ta' etajiet varji fosthom dawk tat-tfal.

Anke fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza

Robert Cutajar ta wkoll dettalji dwar inizjattiva oħra marbuta ma' din il-kampanja #sportforlife - lets beat obesity together. Huwa spjega kif it-tema ewlenija fiż-żewġ konkorsi tal-Kanzunetta Indipendenza li se jiġu organizzati bejn il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta' Settembru. Il-mużika u l-isport se jkunu qed jingħaqdu flimkien sabiex jitwassal messaġġ dejjem iktar b'saħħtu dwar l-importanza tal-isport u l-benefiċċji li dan joffri lil kull persuna. Fil-fatt l-40 kantant finalista fiż-żewġ konkorsi, kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-adulti, se jkollhom abbinat mal-kartolina tagħhom dixxiplina sportiva differenti fejn flimkien ma' atleti magħrufa se jkunu qed jipprattikaw sport u fl-istess waqt se jkunu qed jagħtu messaġġ favur il-valuri tal-isport b'aċċenn ukoll dwar stili ta' ħajja sana kif ukoll b'appelli biex nikkumbattu bis-serjeta' l-obeżita' f'pajjiżna. Dawn il-messaġġi se jkunu qed jintwerew għall-ewwel darba waqt iż-żewġ serati live tal-konkorsi Kanzunetta Indipendenza fuq NET Television, il-Ġimgħa u s-Sibt fid-8:45pm.

Din il-Kampanja Nazzjonali se tkompli għaddejja anke fil-jiem u x-xhur li ġejjin fejn aktar assoċjazzjonijiet sportivi u atleti fi ħdanhom se jkomplu jingħaqdu f'din l-inizjattiva billi jkomplu jgħaddu aktar messaġġi sabiex filwaqt li tkompli tixxettel dejjem aktar kultura sportiva f'pajjiżna u fl-istess waqt ikomplu jħeġġu lill-poplu Malti u Għawdxi dwar il-ġid li wieħed jista' jibbenefika meta b'mod regolari f'ħajjitna ninkludi ftit minuti kuljum ta' sport jew eżerċizzju fiżiku.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti wkoll iċ-Chairman ta' Tim Sport PN Robbie Ebejer u s-Segretarja Ġenerali ta' Tim Sport PN Paula Briffa.

More in Politika