Il-kunċett tal-bubble se jkun segwit anke fid-djar tal-anzjani; Se jsiru wkoll swabs regolari

L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali qed tappella wkoll lill-ħaddiema fid-djar biex ikunu responsabbli fil-ħajja privata tagħhom

Wara li fl-aħħar jiem kien hemm żieda ta’ każi ta’ Covid-19 fid-djar tal-anzjani, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, flimkien mal-Gvern nediet sett ta’ protokolli biex kemm jista’ jkun tiġi kkontrollata l-firxa.

Il-protokolli mħabbra huma dawn:

  1. L-istaff u r-residenti għandhom jiġu swabbed b’mod frekwenti, filwaqt li darbtejn kuljum għandha tittieħed it-temperatura lil kull membru tal-istaff. 
  2. Il-ħaddiema f’dawn id-djar qed jintalbu jkunu responsabbli fil-ħajja privata tagħhom. 
  3. Kull membru tal-istaff irid jilbes il-maskra l-ħin kollu u għandu jsir il-ħasil tal-idejn neċessarju.
  4. Se tiġi offruta wkoll it-tilqima tal-influwenza kemm lill-anzjani kif ukoll lill-ħaddiema. 
  5. Meta r-residenti fid-djar tal-anzjani jiġu swabbed, id-djar tal-anzjani jridu jżommu lill-qraba infurmati waqt il-proċess kollu. 
  6. Residenti li se jidħlu f’dar tal-anzjani mill-komunità, għandhom jinżammu 14-il ġurnata kwarantina filwaqt li r-residenti li jirritornaw id-dar tal-anzjani wara li ngħataw kura l-isptar għandhom jinżammu ħamest ijiem kwarantina. 
  7. Anzjani li jkollhom xi appuntament outpatient, dawn jistgħu jirritornaw id-dar tal-anzjani iżda d-dar trid tagħmel il-kontrolli neċessarji biex tinduna mal-ewwel b’xi sintomi li jista’ jkollu r-resident. 
  8. Waqt iż-żjarat, importanti li jintlibsu l-maskri jew il-visors filwaqt li m’għandux isir kuntatt fiżiku fl-ebda ħin. Għandha tinżamm dejjem id-distanza filwaqt li l-persuni jibqgħu jikkomunikaw minn wara l-perspex. 
  9. Qabel u wara li ssir iż-żjara, il-viżitaturi jridu wkoll jissanitizzaw idejhom. Iż-żona trid dejjem tiġi diżinfettata bejn żjara u oħra.
  10. Id-djar tal-anzjani jridu jkunu mgħammra bit-teknoloġija neċessarja biex issir komunikazzjoni virtwali bejn l-anzjani u qrabathom. Flimkien mat-teknoloġija, irid ikun hemm ukoll persuni mħarrġa li jgħinu lill-anzjani fl-użu ta’ din it-teknoloġija. 
  11. Jekk ikun hemm xi anzjani li jġibulhom l-ikel il-qraba, dan allura jsir f’kontenitur li jkun jista’ jew jintmesaħ inkella li jkun siġillat jew li jista’ jintrema. L-ikel m’għandux jingħata direttament lill-anzjani iżda lill-persuni responsabbli fid-djar tal-anzjani. 
  12. Attivitajiet fid-djar tal-anzjani, jistgħu jibqgħu jsiru b’mod frekwenti iżda b’mod sigur. Kull membru tal-istaff irid jilbes il-maskra matul il-ħin kollu filwaqt li għandu jsir ukoll il-ħasil tal-idejn neċessarju. F’każ li jintuża l-visor, dan irid jiġi sanitizzat ta’ sikwit.
  13. L-anzjani għandhom iżommu l-grupp tagħhom u ma jitħalltux ma’ residenti f’sulari jew fi swali differenti. Dan biex jinżamm il-kunċett tal-bubble.
  14. Id-djar tal-anzjani jridu wkoll jidentifikaw żona għall-hairdresser li tkun tirrispetta d-distanza soċjali u l-iġjene. Il-hairdresser għandu/għandha j/tagħmel użu minn personal protective equipment biex j/tiżgura s-sigurtà tar-resident. Biex dan ikun żgurat, diġà qed isir l-infurzar meħtieġ.

Apparti minn hekk, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġet ukoll ċirkulari li tgħid li kull kap ta’ dar tal-anzjani għandu jiżgura li r-residenti joħorġu mid-dar biss għal appuntamenti mediċi jew meta jkollhom bżonn kura medika.

More in Politika