Jew fil-11:30 a.m jew xejn! Il-Kummissjoni tgħid li tat lil Delia aktar ħin minn Grech u hu ma aċċettax

Adrian Delia ngħata kwarta aktar ċans fuq Net Fm peress li huwa l-Kap tal-Oppożizjoni, iżda Delia ma aċċettax u qal li bilfors ried jitkellem fil-11:30 a.m - sussegwentement sejjaħ il-jum tal-lum 'ġurnata sewda tal-PN'

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista ċċarat li l-iskeda ta' programmi fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista kienet ilha ċara mit-3 ta' Settembru u li hi qablet illi tagħti kwarta żejda lil Adrian Delia, wara li dan talab li jkun jista' jkollu ħin allokat għalih bħala Kap tal-Oppożizzjoni.  Iżda Delia ried bilfors li jitkellem fil-11:30 a.m, mhux fil-11:00 a.m u kwarta qabel jitkellem bħala Kap tal-Oppożizzjoni. 

Delia ddeskriva l-fatt li ma tħallhiex jitkellem fil-11:30 a.m bħala ġurnata sewda għall-Partit Nazzjonalista. 

"Matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Kummissjoni Elettorali ħarġet skeda ġimgħa b'ġimgħa ta’ programmi li jibbilanċjaw ix-xandir bejn il-persuni li ddikjaraw l-interess tagħhom, filwaqt li ma ċaħdet qatt lill-Kap tal-Oppożizzjoni milli jitkellem fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista u jiġi rappurtat.  Fit-3 ta' Settembru il-Kummissjoni Elettorali ċċirkolat l-iskeda għal din il-ġimgħa li kienet tinkludi nofs siegħa għal kull persuna, ċioe’ Adrian Delia u Bernard Grech fuq il-programm tar-radju NET FM dalgħodu. Kienet ukoll qiegħda talterna biex darba jibda wieħed u d-darba ta’ wara jibda l-ieħor," tispjega l-Kummissjoni.

Tkompli tgħid li fuq talba ta' Delia lbieraħ filgħaxija il-Kummissjoni Elettorali rrrikonoxxiet li xtaq jitkellem bħala Kap tal-Oppożizzjoni fl-istess programm u pproponiet li flok l-intervent tiegħu jkun ta’ 30 minuta u jibda fil-11.00 jingħata kwarta aktar fil-ħin u jibda jitkellem fil-10:45. "Dalgħodu stess Delia bagħat jinforma li din il-kwarta ma kienx se jeħodha. Sussegwentament hu insista li jitkellem fil-11:30 bi dritt bhala Kap tal-Oppożizzjoni."

Il-Kummissjoni qalet li ma setgħetx taċċetta dan. 

More in Politika