Imbassra riċessjoni hekk kif l-ekonomija tiċkien b'8% ... imma mistenni rkupru qawwi - S&P

Standard & Poor's tgħid li l-ekonomija se tiċkien b'8% din is-sena u d-defiċit se jitla' għal 8.7% tal-GDP, imma hemm dawl fix-xefaq

Il-pandemija Covid-19 se tfisser illi din is-sena l-ekonomija Maltija se tkun qed tiċkien b'8%.  Minkejja dan, il-previżjoni għall-futur xorta baqgħet stabbli u r-rating ta' Malta baqa' A-2. 

Dan qalitu l-aġenzija ta' kreditu Standard & Poor's (S&P) fir-rating li tat lil pajjiżna u illi fih tgħid li grazzi għat-tnaqqis fid-dejn Malta tkun tista' tesperjenza "irkupru ekonomiku b'saħħtu."

Minkejja dan S&P wissiet illi Malta se tesperjenza riċessjoni qawwija bi tnaqqis ta' 8%, minkejja l-pakkett ta' għajnuna li ta l-Gvern f'forma ta' vouchers, Wage Supplement, moratorji u inizzjattivi oħrajn.  S&P qalet illi ekonomija żgħira bħal dik ta' Malta, hija "partikolarment sensittiva għall-iżviluppi globali bħal ta' din is-sena."

Il-pandemija, jgħid ir-rapport tal-aġenzija, se twassal biex id-defiċit jiżdied għal 8.7% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2020 u 4.5% fl-2021.  Minkejja dan, S&P tinnota illi t-tnaqqis tad-defiċit fis-snin ta' qabel se jagħti ftit iktar spazju u jilqa' għad-daqqa ekonomika. 

Naturalment ir-restrizzjonijiet minħabba tnaqqis kbir fl-attività turistika taw daqqa lit-turiżmu li mistenni jerġa' jiġi għall-livelli tal-2019, fl-2022, filwaqt li l-pandemija mistenninja tweġġa' wkoll lis-settur tar-rikreazzjoni u arti wkoll. 

More in Politika