Jallega li meta Yorgen kien il-ħabs martu marret għand Zammit Lewis ...'ġenn u fantaxjenza' jgħid il-Ministru

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jgħid li mart Yorgen Fenech marret id-dar tal-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, meta żewġha kien il-Ħabs

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi f'messaġġ fuq Facebook qed jallega li Marlene Fenech, mart Yorgen Fenech, nhar it-Tlieta 25 ta’ Frar 2020, preċiżament bejn 7:30 a.m u 8:27 a.m.

Azzopardi jallega li Fenech marret id-dar tal-Ministru fiż-żmien meta Fenech kien taħt arrest u meta, skont Azzopardi kienu qed iseħħu żviluppi fil-Qorti f'Malta u fi Franza. 

Ikkuntattjat minn dan is-sit il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li din l-allegazzjoni hija fantaxjenza u ġenn.  "Niċħad kategorikament quddiem Alla u quddiem il-Qorti li dan mhux minnu.  Jiena d-dar tiegħi hija xi ħames blokok 'il bogħod mill-pjazza," sostna Zammit Lewis. 

Dak li allega Azzopardi fuq il-Facebook
Dak li allega Azzopardi fuq il-Facebook

Fi stqarrija il-Ministru tenna li l-ebda attakk sistematiku fuq il-personalità u l-karattru tiegħu mhu se jxekkluh milli jkompli jaqdi d-dmirijiet ministerjali tiegħu.

Il-Ministru Zammit Lewis sostna li se jkompli jaħdem fuq riformi storiċi u bla preċedent hekk kif maqbula mal-Kummissjoni Venezja, " bil-għan aħħari li jkomplu jissaħħu s-saltna tad-dritt u l-governanza tajba f’pajjiżna."

Wara li nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM żvelat li hemm eluf ta' messaġġi bejn  Fenech u membru tal-Kabinett, Keith Schembri kif ukoll Pierre Portelli, The Times żvelat kif hemm ukoll mijiet ta' messaġġi b ejn Fenech u l-Ministru tal-Ġustizzja Zammit Lewis. 

Intant anke l-Avukat ta' Yorgen Fenech Charles Mercieca sostna li din hija "gidba assoluta u invażjoni tal-privatezza".

Mercieca qal li Azzopardi messu jaf aħjar milli juża dawk li sejjaħ "attakki personali" biex javvanza l-aġenda politika tiegħu u saħaq li l-aġir ta' Azzopardi huwa kundannabbli. "Ikun aħjar jekk Azzopardi juża l-immaġinazzjoni fertili tiegħu biex jiddefendi s-saltna tad-dritt, il-preżunzjoni tal-innoċenza u smigħ ġust," insista l-avukat ta' Yorgen Fenech. 

More in Politika