Yorgen Fenech jiftaħ proċeduri kontra Jason Azzopardi għax qed 'jippreġudika' l-każ

F'każ minnhom id-Deputat Nazzjonalista xerred messaġġ ta' Matthew Caruana Galizia li fih jgħid li Fenech qatel lil ommu minħabba l-Electorgas 

Yorgen Fenech beda azzjoni legali fuq messaġġi u kitbiet fuq il-midja soċjali mtellgħin mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u qed jgħid li dawn il-kummenti qed iċaħaduh mid-dritt ta' smigħ xieraq.  Id-difiża ilmentat diġa' wkoll dwar leaks u fatti mill-investigazzjoni li qed jispiċċaw fuq il-midja u dan wara wkoll li l-gazzeta ILLUM żvelat li hemm eluf ta' messaġġi bejn Fenech u membru tal-Kabinett kurrenti u mijiet oħrajn bejn Fenech u Keith Schembri u bejn Fenech u Pierre Portelli, persuna qrib ħafna tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u f'nofs allegazzjonijiet ta' flus li għaddew minn Fenech għal għand Delia. 

Minkejja dan il-gazzetta qatt ma rat il-kontenut ta' dawn il-messaġġi, għajr li  saret referenza minn sorsi għal xi messaġġi li allegatament kien hemm bejn Portelli u Fenech, fejn dan tal-ewwel jagħti storja biex tidher fil-faċċata tal-orizzont.  Portelli jgħid li ma jiftakarx tali messaġġi.

L-avukati ta' Fenech, tirrapporta The Times illum,  fetħu każ fil-Qorti kriminali fuq il-mod kif qed jikteb Azzopardi.  L-avukat ta' Fenech qed jitlob li dawn il-messaġġi qed jippreġudikaw il-preżunjoni tal-innoċenza tal-intraprenditur akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Fost oħrajn, Azzopardi din il-ġimgħa xerred messaġġ ta' iben Daphne, Matthew Caruana Galizia illi fiha staqsa jekk Fenech kienx ikun kapaċi "jitfa' pressjoni biex il-Gvern jagħti l-€40 miljun tal-Electorgas b'xejn  f'Novembru 2017 kieku ommi kienet kixfet min huwa sid 17 Black?  Le.  Allura qatilha ... u hemm min irid jagħti lil dan l-annimal l-amnestija!"

 

More in Politika