Grech jammetti li hemm diżappunt dwar l-istorja tat-taxxi mhux imħallsa minnu u jerġa' jagħmel apoloġija

Bernard Grech jisħaq illi dan id-diżappunt juri illi n-nies iridu s-sewwa, il-ġustizzja u t-trasparenza u li d-diżappunt fih, qed jagħtih kuraġġ

L-avukat Bernard Grech
L-avukat Bernard Grech

Meta kien qed jitkellem fuq Net FM Bernard Grech ammetta li hemm diżappunt fost in-nies għall-aħbar tat-taxxa u VAT mhux imħallsa minnu - storja żvelata l-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta ILLUM - u reġa' apoloġizza għal għemilu. "Naf li kienu diżappuntati dawk li emmnu fija ... ħafna nies huma esiġenti u din ir-reazzjoni wriet kemm huma esiġenti u li kulħadd jippretendi livell għoli ta' politika."  Grech qal illi hu mtela' bil-kuraġġ għax qed jara minn din l-istess reazzjoni li s-soċjeta trid is-sewwa, il-ġustizzja u t-trasparenza.  "Għandi tama li n-nies ma jridux li kollox jgħaddi.  In-nies trid aħjar u għandha dritt trid aħjar u dan allura huwa tajjeb."

"Il-piż huwa fuqi u fuqi biss," iċċara Grech dwar ir-responsabilità tan-nuqqas tiegħu. 

Huwa qal illi ħallas il-pendenzi kollha li kellu u li dawn kienu mħallsa kif ħallas taxxa u għadda returns.  "Minħabba returns mhux fil-ħin kelli nħallas penali.  Weħilt imgħax u ħallasthom u għamilt dan minn flusi u minn flus il-familja tiegħi," iċċara Grech.

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat dawn il-pendenzi li jinfirxu matul snin u l-fatt li Grech fil-fatt ħallas dawn il-pendenzi li flimkien - VAT u taxxa tad-dħul - laħqu t-€62,000.  Grech iżda ma weġibx il-mistoqsijiet tal-gazzetta dwar kif tħallas dan l-ammont.

"Nerġa nikkonfermalek li m'għandix ċenteżmu mhux imħallas u għandi l-irċevuti u ċ-ċertifikat tal-Kummissarju tat-Taxxi li juri dan," sostna. 

Dwar is-sondaġġi qal li hu ma jaqta' qalbu qatt u sostna li l-għaqda li jrid fil-PN hija waħda li tkun mibnija fuq il-komunikattiva, diskussjoni fuq livelli differenti u l-involviment ta' kulħadd.  "Hekk biss persuna tagħti l-aħjar tagħha ... mhux ngħajjatlek għall-vot.  Imma biex nisimgħak, nempatizza miegħek u naħdmu fuq ll-problema," saħaq Grech.

 

More in Politika